Skarsezza tal-ħalib hawn; qed naħdmu biex inneħħuha – Benna

Il-produttur tal-ħalib frisk lokali Benna qed jaħdem fuq pjan strateġiku fit-tul sabiex il-kumpanija tipprova tilħaq it-talba għall-ħalib frisk u prodotti oħra tal-ħalib matul is-sena kollha. Dan qalu ma’ Newsbook.com.mt kelliem għal Malta Dairy Products li tipproduċi l-ħalib tal-Benna.

Fl-aħħar ġimgħat il-mistoqsija fuq fomm kulħadd kienet meta l-produzzjoni tal-ħalib se terġa’ tiġi lura għan-normal wara ġimgħat ta’ nuqqas ta’ ħalib fil-ħwienet.

Il-kelliem għal Malta Dairy Products spjega li bosta tradizzjonijiet Maltin biż-żmien qiegħdin imutu, hekk kif illum il-ġurnata bosta jippreferu li jaħdmu wara kompjuter milli jħammġu idejhom. Qal li Malta Dairy Products tixtri l-ħalib kollu kemm hu mill-Koperattiva Produtturi tal-Ħalib li tiġbor fiha bħala membri 121 produttur liċenzjat tal-ħalib minn Malta u Għawdex.

Madanakollu rrimarka li din mhix l-unika raġuni għaliex il-poduzzjoni tal-ħalib mhix tlaħħaq mad-domanda. Spega li d-domanda għall-ħalib frisk u prodotti tal-ħalib tal-benna qed tiżdied anke minħabba l-fatt li l-popolazzjoni Maltija qed tiżdied u “konsegwentament f’dawn l-aħħar snin kien hemm żieda fid-domanda għal ħalib frisk lokali u prodotti tal-ħalib.” Spjega wkoll li matul is-snin bħala kumpanija kompliet tinnova sabiex tipprovdi varjetà ta’ prodotti tal-ħalib u takkomoda diversi swieq speċjalizzati bħall-konsumaturi intolleranti għal-lattożju u konsumaturi b’livell elevat ta’ kolesterol.

Il-kelliem irrimarka li matul ix-xhur tas-sajf hija normali li l-baqar jipproduċu inqas ħalib. Sostna li l-għan ta’ Benna huwa li tuża biss ħalib frisk Malti 100%, kif inhu ddikjarat fuq il-kartuna tal-ħalib. Għalhekk il-kumpanija ma tagħmilx użu min ħalib importat jew alternattivi tal-ħalib. Spjega li għal din ir-raġuni n-nuqqas ma jistax jiġi indirizzat bl-importazzjoni ta’ ħalib jew alternattivi oħrajn.

Meta mistoqsi jekk hemmx ċans li fil-futur il-kumpanija tiddeċiedi li tibda tipproduċi prodotti li ma jkunux magħmula minn ħalib frisk Malti 100%, il-kelliem sostna li ma jeskludix li dan jiġri, madanakollu f’dan il-mument mhux qed jikkunsidraw din il-possibiltà.