Skandlu xiri żejt: Il-Gvern jinnota li qal Busuttil dwar l-investigazzjonijiet tal-Awditur

Il-Gvern qal li jinnota d-dikjarazzjoni li saret mill-Kap tal-Oppożizzjoni dwar l-investigazzjoni tal-Awditur Ġenerali fuq aktar skandli fix-xiri taż-żejt.

Fi stqarrija l-Gvern qal li hu favur li l-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi jiltaqa’ matul il-btajjel tas-sajf biex jiddiskuti dan il-każ.

Il-Gvern iħoss ukoll li jekk ikun hemm il-ħtieġa, għandu jsir dibattitu Parlamentari fil-ħin opportun meta terġa’ tibda titlaqqa’ l-Kamra.

L-istqarrija tgħid li l-Gvern hu sorpriż li l-Kap tal-Oppożizzjoni għamel din it-talba lill-Gvern meta seta’ laqqa’ lill-Kumitat hu stess, fost l-oħrajn, permezz taċ-ċermen li hu membru tal-Oppożizzjoni.

Il-Gvern jissuġerixxi li l-ewwel preparamenti għat-tlaqqiegħ tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi jsiru fil-Kumitat għax-Xogħol tal-Kamra li se jitlaqqa’ nhar il-Ġimgħa li ġej.

Dan wara li dalgħodu l-Oppożizzjoni għamlet talba formali lill-Gvern biex jitlaqqa’ l-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi biex mill-aktar fis possibbli, jiddiskuti r-rapport tal-Awditur Ġenerali ntitolat “An Analysis of the Effectiveness of Enemalta Corporation’s Fuel Procurement”. Dan permezz ta’ korrispondenza li ntbgħatet miċ-Chairman tal-Kumitat Tonio Fenech.