Skandlu Panama Papers: Mossack Fonseca la jiċħdu u lanqas jikkonfermaw

Read in English.

Il-Kumpanija fiċ-ċentru tal-iskandlu tal-Panama Papers Mossack Fonseca ma kkonfermatx li s-Sinjura Michelle Muscat mhix sidt il-kumpanija Egrant. Ir-rappreżentanti ta’ Mossack Fonseca f’Malta, Nexia BT talbu lil Mossack Fonseca jiddikjaraw li l-ebda declarations of trust ma nħarġu f’isem il-mara tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Mossack Fonseca ma għamlet xejn minn dan.

Wara li din l-istorja kienet ippublikata fil-ħarġa tal-llum tal-gazzetta The Sunday Times, id-deputat nazzjonalista Simon Busuttil, b’post fuq Facebook staqsa għalfejn kien daqstant diffiċli għall-kumpanija legali Mossack Fonesca biex tiċħad li Egrant kienet tal-mara tal-Prim Ministru.

 

It-talba minn Nexia saret minn Karl Cini jumejn wara li l-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia żvelat fuq il-blogg tagħha li kellha żewġ dikjarazzjonijiet ta’ trust datati Awwissu 2015. The Sunday Times ippublikat ukoll emails dwar dan.

Kemm il-Prim Ministru u martu kienu ċaħdu dawn l-allegazzjonijiet.

Caruana Galizia kienet allegat li l-kumpanija Egrant irċeviet pagament ta’ $1 miljun fi ħlas mingħand kumpanija li hi ta’ tifla tal-President tal-Ażerbajġan. S’issa għadu ma ħareġ xejn li jikkoroba din l-istorja filwaqt li l-allegazzjonijiet huma suġġett ta’ inkjestà maġisterjali.

Mossack Fonesca wieġbu lil Cini fit-8 ta’ Mejju u qalulu li se jkunu qed jirrispondu d-domanda tiegħu. Huma rrispondew lil Cini xi ġimgħat wara iżda naqsu milli jwieġbu direttament, filwaqt li Cini bagħat ijmejl jgħid li jinsab konfuż kif ma jistgħux jikkonfermaw jekk kienux iffirmati xi dikjarazzjonijiet favur Michelle Muscat.

Mid-dokumenti l-ġodda li rċievet il-gazzetta Ġermaniża Süddeutsche Zeitung juru li Mossack Fonesca ma kienetx kapaċi tiddentifika s-sidien benefiċċjarji ta’ 75% kumpaniji attivi u amministrati fil-Panama.