Skandlu Montenegro: Informazzjoni ġdida fuq dak li żvela Yorgen

Read in English.

Newsbook.com.mt sar jaf b’informazzjoni ġdida dwar dak li Yorgen Fenech qal lill-pulizija f’Novembru li għadda, wara li lbieraħ irrapporta li l-akkużat b’involviment fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia informa lill-Pulizija li kien lest jgħid kulma jaf fuq diversi skandli ta’ korruzzjoni, fosthom fuq l-iskandlu ta’ Montenegro.

Sorsi kkonfermaw li kien bejn il-25 u d-29 ta’ Novembru li l-eks Direttur ta’ Tumas Group qal lill-Pulizija li kien lest jagħtihom informazzjoni fuq xi skandli ta’ korruzzjoni li kien involut fihom hu jew li kellu informazzjoni dwarhom.

Fenech kien lest jgħid dak li jaf fuq l-iskandlu ta’ Montenegro, fuq il-korruzzjoni fil-ftehim tal-Electrogas u fuq l-assassinju tal-ġurnalista Caruana Galizia.

Fenech semma lil Muscat – sors

Is-sorsi infurmawna li Fenech qal lill-investigaturi li kellu informazzjoni fuq Macbridge, fuq is-sidien tagħha, il-benefiċjarji tagħha, u l-proġett kbir li kienu ġejjin minnu l-flus. Allega li kellu informazzjoni dwar Nexia BT, u l-kumpaniji tal-Panama Hearnville u Tillgate.

Newsbook.com.mt staqsa jekk Fenech semmiex ismijiet.

Is-sors wieġeb li żgur li semma ismijiet. Semma lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat, lill-eks Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff ta’ Muscat, Keith Schembri. Il-Kabinett immexxi minn Muscat kien irrifjuta li jagħti maħfra presidenzjali lil Fenech.

Sadattant, filwaqt li dawn l-istejjer ikomplu ħerġin, Muscat, Mizzi u Schembri għadhom qegħdin jiċħdu kwalunkwe involviment. It-Times of Malta llum irrappurtat li Muscat ċaħad allegazzjonijiet li għamel Fenech li Muscat talbu biex jipproteġi lil Keith Schembri.

L-eks Prim Ministru kiteb fuq Facebook dalgħodu reazzjoni twila għar-rapport tat-Times, li fiha ċaħad dak li qal Yorgen Fenech.

L-intenzjoni tieghi kienet u tibqa li nitkellem mill-inqas u nhalli l-gustizzja tiehu l-kors taghha. Dejjem…

Posted by Joseph Muscat on Saturday, June 20, 2020

Meta Fenech ta din l-informazzjoni, l-investigaturi qalulu biex jgħid dan kollu lit-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi peress li din it-taqsima tieħu ħsieb dawn ir-reati kriminali. Fenech żamm it-tattika li jiżvela ftit imma jostor informazzjoni oħra.

Għat-tieni darba, l-investigaturi qalulu jmur għand it-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi jew jibgħat lill-avukati tiegħu hemmhekk. Offrewlu saħansitra li jakkumpanjawh, iżda Fenech qatt m’għamel dan. Meta Fenech tressaq il-qorti akkużat b’kompliċità fl-assassinju, huwa waqaf jgħaddi l-informazzjoni.

Il-Kabinett infurmat b’dak li żvela Fenech

Intant, il-MaltaToday irrappurtat li l-Pulizija kienet infurmat lill-Kabinett b’dak li żvela Fenech, anke dwar l-iskandlu ta’ Montenegro. Sors indipendenti kkonferma dak li żvelat il-MaltaToday.

Newsbook.com.mt kien diġà ppubblika rapporti li jgħidu li Fenech qal lill-pulizija li kien lest jitkellem fuq l-iskandlu ta’ Montenegro.

Il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Joseph Muscat, u l-PM attwali Robert Abela t-tnejn ċaħdu li kienu jafu dwar l-iskandlu ta’ Montenegro, storja żvelata minn Reuters u mit-Times of Malta.

Is-sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li jista’ jkun li dawn ma kinux jafu d-dettalji kollha tar-rapport, imma lura f’Novembru, kienu jafu li Fenech kien qed jitkellem fuq il-korruzzjoni fl-iskandlu ta’ Montenegro mir-rapport ta’ Newsbook.com.mt u minn dak li infurmawhom il-pulizija.