Skandlu Montenegro: Il-Pulizija tgħid li kienet diġà bdiet tinvestiga

Read in English.

Il-Pulizija qalet li kienet diġà bdiet tinvestiga l-iskandlu tal-Montenegro minn qabel dawn ġew ippubblikati fil-midja.

Fi stqarrija qasira, il-Pulizija qalet li qed tinvestiga dan il-każ b’kollaborazzjoni mal-Europol u bl-assistenza ta’ entitajiet kompetenti oħra.

Ilbieraħ ġiet ippubblikata investigazzjoni konġunta bejn Stephen Grey minn Reuters u Jacob Borg mit-Times of Malta, li fiha sar magħruf li Yorgen Fenech għamel profitt mhux dikjarat ta’ €4.6 miljun mix-xiri ta’ wind farm f’Montenegro mill-Enemalta. Yorgen Fenech huwa akkużat li huwa kien hu li ordna li jsir l-assassinju fuq il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fix-xhur qabel inqatlet, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet qiegħda tinvestiga l-kumpanija 17 Black, li wara l-assassinju tagħha, sar magħruf li sidha kien Yorgen Fenech. F’Novembru li għadda, huwa ġie arrestat hu u jipprova jaħrab minn Malta bil-jott tiegħu. Bħalissa qed tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda kontrih, peress li hu suspettat li ordna l-qtil.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li Malta issa għandha politiċi fil-kriminalità internazzjonali, f’reazzjoni għal dak li żvelaw il-ġurnalisti dwar Yorgen Fenech.

L-Eks Ministru Konrad Mizzi saħaq li l-Enemalta għandha tippubblika l-informazzjoni kollha dwar il-proġett ta’ Montenegro, biex ikun hemm trasparenza sħiħa u tevita li ssir spekulazzjoni fuq xi aspett finanzjarju ta’ dan il-proġett. Dan filwaqt li l-eks PM Joseph Muscat qal li m’għandu xejn x’jaħbi.

Il-PM Robert Abela qal li għandu jiġi investigat kull min kien involut fl-allegazzjonijiet li saru.