Skandlu Montenegro: Il-pubbliku mistieden għal protesta

Sarah Cassar Dymond

Read in English.

Wara pawża qasira għall-protesti kontra l-korruzzjoni minħabba l-pandemija tal-coronavirus, Repubblika ħabbret li se tkun qed issir protesta nhar it-Tnejn waranofsinhar. Il-protesta se tkun qed issir barra l-binja tal-Parlament u l-pibbliku qed ikun imħeġġeġ jattendi.

Il-protesta se tibda fis-6pm u qed tkun organizzata minn Repubblika u Occupy Justice.

Malta daħlet fi kriżi politika f’Novembru li għadda wara li kien hemm progress fl-investigazzjoni fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Id-dettalji kienu wasslu għar-riżenja ta’ Konrad Mizzi minn Ministru u l-eks Chief of Staff Keith Schembri. Intant, Joseph Muscat irreżenja minn Prim Ministru aktar kmieni din is-sena.

Il-ġimgħa, investigazzjoni konġunta bejn Reuters u Times of Malta wriet li s-suspettat bl-assassinju Yorgen Fenech b’mod sigriet għamel il-miljuni fi qligħ minn kumpanija sigrieta bbażata f’Dubaj, 17 Black. Dan meta l-Enemalta akkwistat ishma fil-proġett tal-wind farms fil-Montenegro.

Fi stqarrija, Repubblika ħeġġet lil kulħadd sabiex jattendi għal din il-protesta. Intant għamlet tliet talbiet li sostniet se jwasslu biex “il-verità kollha tibda tiela’ fil-wiċċ u biex tibda ssir ġustizzja”.

Huma qed jitolbu li tinħatar investigazzjoni konġunta bejn il-Europol u l-Pulizja ta’ Malta fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u fil-korruzzjoni marbuta ma’ dan il-qtil. Bħalissa, il-Europol qed tissapportja l-investigazzjoni fl-assassinju. Il-Europol hija aġenzija tal-Unjoni Ewropea li taħdem fuq l-infurzar tal-liġi u tiffaċilità l-kollaborazzjoni bejn il-pulizija tal-istati membri. Bħala aġenzija, m’għandhiex poteri eżekuttivi u l-uffiċjali tagħha mhux intitolati biex jarrestaw suspettati jew jaġixxu qabel ma jkollhom approvazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti fl-istati membri.

L-għaqdiet talbu biex il-politiċi involuti jerfgħu ir-resposabbilità politika tagħhom u jirrizenjaw inkella jiġu mkeċċija.

Talbu wkoll biex id-diretturi ta’ Enemalta plc jerfgħu ir-responsabbilità li jġorru bħala dawk li suppost iħarsu l-interess ta’ poplu Malti f’din il-kumpanija. Qalu li huma qed jistennew li jagħtu rendikont sħiħ dwar in-negozju korrott fil-Montenegro u iġibu lura il-miljuni li nsterqu.