Skandlu Montenegro: Il-politiċi u l-bord tal-Enemalta għandhom iwieġbu – PN

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-politiċi li ħadu d-deċiżjonijiet u l-membri tal-bord tal-Enemalta li approvawhom għandhom iwġiebu għal għemilhom. Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius f’konferenza tal-aħbarijiet qal li rridu nkunu nafu għand min marru dawn il-miljuni kollha li qed jinsterqu. Huwa qal li l-PN qed jesiġi li l-flus misruqa jintraddu lura u li dawk kollha responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja.

Ilbieraħ ġiet ippubblikata investigazzjoni konġunta minn Reuters u mit-Times of Malta, li fiha sar magħruf li Yorgen Fenech għamel profitt mhux dikjarat ta’ €4.6 miljun mix-xiri ta’ wind farm f’Montenegro mill-Enemalta. Yorgen Fenech huwa akkużat li huwa kien hu li ordna li jsir l-assassinju fuq il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Agius stqarr li l-PM Robert Abela ma jafx jieħu d-deċiżjonijiet u qed jibqa’ juri li hu dgħajjef quddiem dawn l-istess persuni li qed ikissru r-reputazzjoni ta’ Malta madwar id-dinja.

Fil-konferenza tkellmu wkoll id-deputati Mario De Marco u Ryan Callus. De Marco qal li l-Ministeru tal-Finanzi għandu rwol kruċjali, għaliex għandu d-dover jara li flus il-poplu qed jintefqu bl-aktar mod għaqli possibli.

Ryan Callus sostna li l-iskandlu tal-bieraħ huwa raġuni għalfejn il-familji għandhom jirċievu roħs fil-kontijiet tad-dawl. Huwa spjega li s-€7 miljuni biex xtraw sehem fit-turbini tar-riħ fil-Montenegro hija ħadma. Stqarr li mingħajr il-korruzzjoni tal-Gvern Laburista, il-prezz tal-petrol u d-dieżel seta’ raħas b’14ċ biex ikun hemm aktar flus fil-bwiet tal-familji u n-negozji tagħna.