Skandlu Montenegro: Fenech kien lest li jiżvela kollox f’Novembru

Read in English.

Fis-26 ta’ Novembru, Newsbook.com.mt żvela kif Yorgen Fenech kien lest jiżvela kollox dwar l-iskandlu ta’ Montenegro. F’wieħed mill-aktar artikli mfittxija mill-qarrejja, din il-kamra tal-aħbarijiet irrappurtat kif Fenech kien qed joffri din l-informazzjoni u jiżvela skandli oħra jekk jirċievi l-maħfra Presidenzjali. Il-maħfra presidenzjali kienet irrifjuta mill-Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat u l-informazzjoni li għandu Fenech għadha mistura. Minkejja dan, ilbieraħ ġew żvelati dettalji tal-iskandlu b’investigazzjoni konġunta bejn ir-Reuters u Times of Malta.

X’ġie żvelat bl-investigazzjoni tar-Reuters u Times of Malta

Ġie żvelat li Cifidex irċeviet trasferiment ta’ €3 miljun mill-kumpanija sigrieta 17 Black li s-sid tagħha huwa Yorgen Fenech. Cifidex imbagħad użat dawn il-flus biex tixtri ishma mingħand Fersa Renovables, konsorzju Spanjol li kien ingħata l-konċessjoni biex imexxi l-wind farm mill-gvern ta’ Montenegro fl-2010. Ftit jiem wara l-EneMalta xtrat l-istess ishma bit-tripplu tal-prezz għal €10.3 miljun. Sa Ġunju 2016, Cifidex kienet bagħtet lura lil 17 Black it-€3 miljun oriġinali flimkien ma’ “profitt” addizzjonali ta’ mill-inqas €4.6 miljun. Dan ikkonfermawh tliet sorsi b’aċċess għall-kontijiet bankarji f’Dubaj tal-kumpanija 17 Black.

Ix-xiri seħħ wara negozjati u diversi vjaġġi lejn il-Montenegro mmexxija mill-eks Ministru għall-enerġija Konrad Mizzi. Meta mistoqsi dwar il-vjaġġi tiegħu lejn il-Montenegro, Mizzi wieġeb li l-involviment tiegħu f’dan il-proġett kien bħala Ministru responsabbli mill-Enemalta, li stabbilixxa politika tal-enerġija ġenerali. Huwa ċaħad li kellu sehem f’xi ftehim korrott.

Nexia BT l-accountants ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri, kitbu email li tgħid li l-klijenti tagħha kellhom jirċievu €5,000 kuljum minn 17 Black. Mizzi u Schembri ċaħdu kull għemil ħażin u ċaħdu wkoll li rċivew xi flus mingħand 17 Black.

Liema skandli Fenech lest li jikxef?

Kif irrappurtat minn Newsbook.com.mt, kien fil-25 ta’ Novembru li Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black, semma għall-ewwel darba lil Keith Schembri, l-eks-Chief of Staff tal-Prim Ministru, waqt li kien qed jiġi interrogat mill-Pulizija.

Dakinhar, sorsi infurmati qalu lil Newsbook.com.mt li Yorgen Fenech qal lill-pulizija li Keith Schembri bagħatlu messaġġ fejn qallu “Tikxifnix u ngħinek”. Għaldaqstant, Fenech iddeċieda li jieqaf milli joħroġ informazzjoni relatati mal-Electrogas u anke l-windfarms li l-Enemalta bniet fil-Montenegro. Fenech tkellem ukoll dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fenech talab għall-maħfra presidenzjali biex jiżvela kollox

Skont il-liġi, il-Gvern huwa responsabbli li jiddeċiedi min jingħata l-faċilità li jsir xhud tal-istat. Hija l-prerogattiva tal-Gvern dwar min jirċievi l-hekk imsejħa maħfra presidenzjali. Il-Gvern jagħti r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-President, iżda l-President ma jistax jirrifjuta din ir-rakkomandazzjoni tal-Gvern.

It-talba ta’ Fenech għal maħfra ġiet irrifjutata mill-gvern. Riċentament il-Prim Ministru Robert Abela ġie mistoqsi jekk hux qed jikkunsidra li jagħti maħfra presidenzjali lil Yorgen Fenech. Abela ħarab milli jwieġeb filwaqt li qal li se jistenna l-proċess għaddej dwar il-każ.

Il-mistoqsijiet li jqajjem dan l-iskandlu

Il-mistoqsijiet li Newsbook.com.mt qed jistaqsi huma dawn:

  • X’jaf aktar Fenech u huwa lest li jiżvela? Min se jkunu l-persuni li se jsemmi?
  • Minħabba li l-iskandlu kien ilu magħruf mill-pubblika minn Novembru li għadda x’azzjoni ttieħdet mill-istituzzjonijiet politiċi u investigattivi?

Il-Pulizija tgħid li diġà bdiet tinvestiga

Fi stqarrija qasira 24 siegħa wara li ġew żvelati d-dettalji tal-iskandlu mill-ġurnalisti, il-Pulizija qalet li diġà bdiet tinvestiga u qalet li qed tagħmel dan b’kollaborazzjoni mal-Europol u bl-assistenza ta’ entitajiet kompetenti oħra.