Skandlu Montenegro: Daqqa oħra għar-reputazzjoni ta’ Malta – MEA

Read in English.

L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) wissiet li l-iskandlu ta’ Montenegro li nkixef fil-midja ftit tal-jiem ilu huwa daqqa oħra għar-reputazzjoni ta’ Malta internazzjonalment, li jaf ikollu konsegwenzi koroh fuq l-ekonomija Maltija.

Fi stqarrija, l-MEA esprimiet it-tħassib tagħha li aktar kemm qed jinkixfu skandli marbutin mal-korruzzjoni, is-sitwazzjoni tista’ tasal f’punt li r-reputazzjoni ta’ Malta ddum għexieren ta’ snin biex tirkupra.

L-MEA saħqet li Malta ma taffordjax li tieħu isem ħażin mill-Moneyval.

Nhar il-Ġimgħa, permezz ta’ investigazzjoni konġunta bejn Reuters u t-Times of Malta, ġie żvelat illi f’Diċembru tal-2015, il-kumpanija 17 Black għamlet profitt mhux dikjarat ta’ €4.6 miljun meta l-Enemalta xtrat wind farms f’Montenegro. Sid il-kumpanija 17 Black huwa Yorgen Fenech, li huwa akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Għaldaqstant, l-assoċjazzjoni insistiet fuq ir-riformi fil-governanza li jeħtieġu li jsiru sabiex Malta ma tispiċċax f’kaos. Hija tenniet l-appell tagħha lill-Gvern li tiġi riformata s-sistema parlamentari, sabiex ikun hemm sistema trasparenti fl-impjieg ta’ persons of trust, u biex jiġu introdotti fondi parzjali mill-Gvern għall-partiti politiċi.

Filwaqt li tifhem li qatt ma jista’ jkun hemm sistema li toffri salvagwardja kompleta kontra l-korruzzjoni, l-assoċjazzjoni qalet li s-sitwazzjoni preżenti fejn membri parlamentari huma involuti wkoll fl-eżekuttiv tal-partiti, il-partiti politiċi jiddependu fuq id-donazzjonijiet li jagħtihom il-korporazzjonijiet, il-mod kif jinħatru l-persons of trust u r-rabtiet bejn il-politiċi u l-elementi kriminali tas-soċjetà, hija tat-tħassib ferm għaliex tipprovdi lok għall-korruzzjoni.

L-MEA ħeġġet lill-Gvern biex ikun kontra l-korruzzjoni bla kompromessi, irrelevanti minn min huwa involut, u biex jikkollabora mal-imsieħba soċjali biex iwettaq ir-riformi istituzzjonali meħtieġa. Żiedet tgħid li l-MCESD għandha tieħu rwol aktar attiv biex tagħmel pressjoni fuq il-Gvern sabiex jieħu l-azzjonijiet meħtieġa qabel ikun tard wisq.

Illum se tiġi organizzata protesta b’rabta mal-iskandlu ta’ Montenegro.