Skandlu Montenegro: Abela jirrifjuta jgħid jekk il-każ tqajjimx fil-kabinett

F’bidu ta’ seduta mqanqla, bl-Oppożizzjoni tqajjem numru ta’ point of orders, il-Ministru Carmelo Abela rrifjuta li jagħti dettalji ta’ diskussjonijiet li setgħu saru waqt laqgħat tal-kabinett dwar l-iskandlu ta’ wind farms fil-Montenegro u rapporti dwar allegat każ ta’ korruzzjoni marbut ma’ dan l-investiment tal-Gvern.

Abela li kien qed jirrispondi mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li kif kienet il-prassi tul is-snin dak li jiġi diskuss waqt il-kabinett ma jkunx għad-dominju pubbliku. Hu ħeġġeġ lill-membri parlamentari biex iħallu l-istituzzjonijiet jiffunzjonaw u jagħmlu xogħolhom.

Id-deputat Beppe Fenech Adami staqsa jekk l-istituzzjonijiet imsemmija mill-Ministru Abela minn nhar il-Ġimgħa ‘l hawn investigawx lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi biex jintraddu lura l-€10 miljun li nsterqu permezz ta’ dan il-proġett.

Abela qal li l-Pulizija għandha tinvestiga lil kull persuna li jidhrilha inkluż lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Prim Ministru  tilef okazzjoni oħra biex jaqdi dmiru u qed juri diżrispett lill-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, jiġifieri l-Parlament. 

Il-whip tal-Partit Nazzjonalista Robert Cutajar kien ilmenta mal-Ispeaker Anġlu Farrugia li minkejja li l-ewwel mistoqsijiet kienu indirizzati lill-Prim Ministru Robert Abela, dawn kienu qed jiġu mwieġba mill-Ministru Abela. 

Delia staqsa lill-Ministru Abela għalfejn numru ta’ kummissarji tal-Pulizija li ġew appuntati mill-Gvern Laburista qatt ma nvestigawh minkejja dak li qal Abela. Il-Ministru qal li hu ma jistax jifhem kif persuna li tat ix-xhieda tagħha titwemmen biss mill-Oppożizzjoni sakemm ma jiżżeffinx fin-nofs il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Fil-bidu tas-seduta, l-Oppożizzjoni kienet oġġezzjonat għall-mistoqsija ta’ Glenn Bedingfield li saret lill-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis peress li d-domanda oriġinali kienet saret mill-Ministru għall-Biedja Anton Refalo u l-Ministru kien qed jaqra t-tweġiba li ngħatat f’ismu.

Mi-naħa tiegħu, Abela rrifjuta li jirrispondi mistoqsijiet f’isem il-Prim Ministru meta qal li hu Ministru fl-uffiċċju tal-Prim Ministru iżda mhux Ministru tal-Prim Ministru.