Skandlu ieħor Malti fil-midja internazzjonali

Read in English.

L-allegat abbuż mis-sahra li wettqu iżjed minn 30 uffiċjal tal-pulizija tat-traffiku wasal anke fil-midja barranija. The New York Times u Reuters irrappurtaw kif għadd ta’ uffiċjali Maltin qed jiġu investigati għal abbuż mis-sahra, u li xi wħud minnhom qed jaffaċċjaw anke akkużi li użaw fjuwil għall-vetturi privati tagħhom.

The New York Times u Reuters irrappurtaw li Malta kellha problema bir-reputazzjoni tagħha f’dawn l-aħħar snin, minħabba allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni, nepotiżmu u kroniżmu, u aġir illegali finanzjarju fost il-politiċi u n-negozjanti.

L-investigazzjoni fuq il-pulizija tat-traffiku bdiet wara li whistleblower bagħat ittra lill-Kummissarju tal-Pulizija li tgħid li uffiċjali kienu qed jitħallsu ta’ xogħol li huma qatt ma wettqu. Stqarrija tal-Pulizija maħruġa lbieraħ qalet li t-total ta’ uffiċjali arrestati kien ta’ 37, li ħamsa minnhom ingħataw il-bail.

Iż-żewġ aġenziji tal-aħbarijiet internazzjonali rreferew għal Walter Spiteri, li kellu t-Taqsima tat-Traffiku f’idejh. Huwa rreżenja lbieraħ peress li hu suspettat li ħa flus għall-mutur, mentri kien juża karozza bix-xufier.

Skont Reuters, il-Prim Ministru Robert Abela qal li hi ħaġa tajba li l-Pulizija qed tinvestiga lil niesha stess għax dan jikkonferma li l-Korp tal-Pulizija huwa wieħed li jaħdem. Min-naħa l-oħra, l-Oppożizzjoni qalet lil Reuters li l-Pulizija spiċċat mimsusa bl-istess “kultura ta’ korruzzjoni u impunità” evidenti f’ħafna oqsma tal-ħajja.