Skandlu ieħor fiċ-Ċilì: Isqof jissospendi 15-il saċerdot

Goic

Il-Knisja fiċ-Ċilì qed taffaċċja skandlu ieħor li jikkonferma s-sitwazzjoni drammatika tal-Knisja Kattolika f’dan il-pajjiż tal-Amerika t’Isfel.
Wara li fil-jiem li għaddew l-Isqfijiet kollha flimkien offrew ir-riżenja tagħhom lill-Papa Franġisku, issa Isqof issospenda 15-il saċerdot mill-ministeru tagħhom fuq suspett li huma involuti f’xibka ta’ abbużi fuq tfal.
Fost l-Isqfijiet li attendew għal-laqgħa mal-Papa f’Ruma kien hemm l-Isqof ta’ Rancagua, Alejandro Goic li għandu 78 sena u li hu l-President tal-Kummissjoni Episkopali għall-Prevenzjoni tal-Abbużi Sesswali mill-Kleru. Malli rritorna fid-djoċesi tiegħu kellu jieħu d-deċiżjoni drastika li jissospendi 15 mit-68 saċerdot tad-djoċesi tiegħu fuq suspett ta’ abbużi fuq tfal u tixrid ta’ materjal pornografiku.
Ftit jiem ilu l-pubbliku f’Rancagua sar jaf b’kappillan li kien imġiegħel jammetti li bagħat ritratti tiegħu bla ħwejjeġ lil xi tfal. Wara li għamel investigazzjoni, stazzjon televiżiv Ċilen, qal li kien hemm grupp organizzat ta’ saċerdoti djoċesani li jsejjaħ lilu nnifsu “La Famiglia” mmexxi min-“Nannu” li kien involut fi traffikar sesswali li jinvolvi anke tfal taħt l-età.
Elisa Fernandez, li kienet tikkoordina l-ministeru djoċesan taż-żgħażagħ akkużat li xi qassisin kienu jinvolvu żgħażagħ bejn 15 u 19-il sena f’dawn l-abbużi u qalet li hi personalment kien taf bil-fatt li xi saċerdoti f’Rancagua kienu jitkellmu dwar l-attivitajiet sesswali tagħhom ma’ minuri. Sena ilu bagħtet lill-Isqof Goic, lista bl-ismijiet ta’ dan is-saċerdot iżda baqa’ ma għamel xejn.
Għal din ir-raġuni Fernandez ħolqot paġna fuq Facebook li fiha ppretendiet li hi tifel ta’ 16-il sena u kkuntattjat lil wieħed mis-saċerdoti li għandu 54 sena, kappillan ta’ Luis Rubio Contreras. 
Il-kappillan waqa’ fin-nasba u bagħat messaġġi erotiċi u ritratt tiegħu għarwien lil dan is-suppost minuri.  Iffaċċjat b’din l-akkuża minn stazzjon televiżiv, is-saċerdot ammetta li kien għamel ħażin u qal li jħossu jistħi minn dak li għamel.
Wara li sar magħruf dan, l-Isqof Goic ħabbar li kien issospenda temporanjament lil dan il-kappillan u mbagħad issospenda lis-saċerdoti l-oħra li huma suspettati li kienu membri ta’ “La Famiglia”, sakemm il-pożizzjoni ta’ kull wieħed minnhom tkun kjarifikata.
Fernandez ikkritikat lill-Isqof li dam daqshekk biex ħa azzjoni għalkemm kienet kellmitu dwar dawn l-abbużi erba’ darbiet. 
L-isqof iddefenda ruħu billi qal li hu ma kienx detective u żied jgħid li ma għamilx investigazzjoni formali dwar il-kappillan għax ma rċieva l-ebda lment uffiċjali kontrih.