Każ Gaffarena: Il-Prim Ministru jitlob biex jixhed fid-19 t’April

Il-każ ċivili li fetaħ il-Prim Ministru Joseph Muscat kontra Mark Gaffarena dwar l-iskandlu ta’ esproprjazzjoni ta’ proprjetà fi Triq Zekka ġie pospost wara li l-Prim Ministru bagħat nota l-Qorti biex jinfurmahom li mhux se jkun preżenti.
Is-smiegħ tal-kawża ġie pospost għad-19 t’April skont kif talab il-Prim Ministru.
Filwaqt li l-Imħallef Anna Felice aċċettat li l-każ ikompli jinstema’ dakinhar, wissiet lill-Avukat Ġenerali sabiex jagħmel premura lill-Prim Ministru ħalli jattendi s-seduta li jmiss, hekk kif fi kliemha “il-Qorti tat biżżejjed ċansijiet”.
Dan hekk kif il-Prim Ministru kien naqqas li jidher quddiem il-Qorti x-xahar l-ieħor.
Il-Prim Ministru se jkun l-aħħar persuna li se jixhed f’dan il-każ.
Il-każ kien infetaħ quddiem il-Qorti mill-Prim Ministru Joseph Muscat kontra Marco Gaffarena u martu biex jiġi rrevokat it-trasferiment tal-proprjetà.
Gaffarena kien akkwista nofs binja fi Triq Zekka, il-Belt Valletta u wara  ġiet esproprijata mill-Gvern għal €1.65 miljun.
Il-koppja kienet ġiet ikkumpensata b’€3.4 miljun.
Dan il-każ kien wassal biex il-Membru Parlamentari Laburista Michael Falzon jitneħħa minn Segretarju Parlamentari, wara li kien ħareġ li Gaffarena kien qed jinnegoazja ma’ membri tas-segretarjat ta’ Falzon.