Is-Sindku tal-Qrendi David Michael Schembri qal li qed isir skandlu fuq żewġ siġriet meta l-Kunsill Lokali qed iħawwel aktar siġar madwar il-lokalità kollha. Huwa kien qed jirreaġixxi għall-istqarrija tal-Għaqda Siġar Maltin li fuq Facebook qalet li nqerdu 35 siġra.
Ma’ Newsbook.com.mt, is-Sindku tal-Qrendi spjega li permezz tal-kampanja Tree 4U, tliet snin ilu kienu tħawlu 40 siġra f’għalqa li tnaddfet wara li kienet abbandunata. Qal li tul dawn is-snin kienu jissaqqew b’mod regolari u salvaw 38 minnhom.
Stqarr li filwaqt li ma jaqbilx mal-awtoritajiet dwar it-trasferiment tas-siġar, kienet l-Awtorità tal-Ippjanar li ordnat li dawn is-siġar jitħawwlu f’post ieħor. Dan minħabba li t-triq li tagħti għal Triq it-Tempesta u tmiss mal-post li kienu s-siġar se tiġi asfaltata kollha.
F’kummenti ma’ Newsbook.com.mt, is-Sindku qal li s-siġar tal-għargħar huwa diffiċli li jżommu fil-post il-ġdid fi Triq il-Karwija
Stqarr li ilu snin jirsisti biex jitħawlu aktar siġar u kien għalhekk li talab lil Infrastructure Malta li bħala kumpens tat bejn 60 u 70 siġra oħra biex jitħawwlu madwar il-Qrendi.
Is-Sindku qal ukoll li saret l-applikazzjoni separata biex jitħawwlu 44 siġra indiġena fil-bypass ta’ bejn Ħaġar Qim u l-Blue Grotto.