Skandlu FIFA: F’Diċembru jintgħażel is-suċċessur ta’ Sepp Blatter

Is-suċċessur ta’ Sepp Blatter bħala President tal-FIFA se jintgħażel f’Diċembru.
F’Lulju li ġej, il-FIFA se tlaqqa’ l-membri tal-Kumitat Eżekuttiv biex tagħżel id-data tal-elezzjoni, li skont rapporti jidher li se ssir fis-16 ta’ Diċembru. B’kollox f’din l-elezzjoni jivvutaw aktar minn 200 assoċjazzjoni fi ħdan il-FIFA.
Il-FIFA ħabbret ukoll li għalissa se tipposponi l-proċess li fih il-pajjiżi jitfgħu l-kandidatura tagħhom biex jorganizzaw it-Tazza tad-Dinja tal-2026. Dan minħabba l-allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni dwar it-Tazza tad-Dinja 2018 u tal-2022.
F’dawn il-jiem, il-FIFA għaddiet l-informazzjoni li elevat mill-kompjuters lill-awtoritajiet Żvizzeri li qed jinvestigaw l-għażla tat-Tazza tad-Dinja għall-2018 u l-2022. Fost dawn hemm id-dokumenti mill-kompjuter ta’ Sepp Blatter stess.
Tinsab għaddejja investigazzjoni oħra mill-US Federal Bureau dwar il-korruzzjoni fil-FIFA. S’issa tpoġġew taħt kap ta’ akkuża 14-il persuna, disa’ minnhom li kienu jew għadhom uffiċjali tal-FIFA.
L-investigazzjoni kriminali qed tiffoka fuq it-tqassim ħażin ta’ fondi għat-Tazza tad-Dinja 2018 fir-Russja u t-turnament tal-2022 fil-Qatar.