Skandlu FIFA: Banek Svizzeri jinvestigaw dwar ħasil ta’ flus

Prosekuturi Svizzeri qed jinvestigaw 53 każ fejn possibilment sar ħasil ta’ flus fl-offerti biex pajjiżi jospitaw it-Tazza tad-Dinja fl-2018 u l-2022.
L-Avukat Ġenerali Michael Lauber qal li dawn il-każi ġew rappurtati mill-banek Svizzeri.Qal li l-uffiċċju tiegħu qed janalizza kwantità kbira ta’ informazzjoni maqbuda mingħand il-FIFA.
L-investigazzjoni fl-Isvizzera qed issir fl-istess waqt li għaddejja investigazzjonijiet oħra mill-Istati Uniti.
It-Tazza tad-Dinja 2018 se ssir fir-Russju u tal-2022 fil-Qatar. Iżda uffiċjal ewlieni tal-FIFA qal li dawn jistgħu jitħassru, jekk jinstabu provi ta’ tixħim.
Iż-żewġ pajjiżi ċaħdu li għandhom xi ħtija.
Intant Lauber qal li d-dinja tal-futbol trid tkun paċenzjuża sakemm jitlestew l-investigazzjonijiet. Qal li fin-natura tagħha, din se tieħu iktar mid-90 minuta li soltu tieħu logħba.