Sjerra Leone dalwaqt ħieles mill-Ebola

Wara sena u ħames xhur, Sjerra Leone għada se jiġi dikjarat pajjiż ħieles mill-Ebola.
Dik li hi meqjusa bħala l-ikbar epidemija fl-istorja tal-pajjiż ħalliet kważi 4,000 ruħ mejta u affettwat iktar minn 14,000 persuna.
Assoċjazzjoni medika fl-Afrika żvelat dan lill-aġenzija Fides hekk kif spjegat li fi 42 jum konsekuttiv, ma ġie rrappurtat ebda każ tal-Ebola.
Minkejja li se jingħalqu l-parti l-kbira ta’ ċentri ta’ trattament ta’ din il-marda, se jibqgħu xi wħud f’każ li terġa’ titfaċċa.
Għal tliet xhur sħaħ, l-isptarijiet se jibqgħu b’għajnejhom miftuħa iktar mis-soltu f’każ li jissuspettaw f’xi każ ġdid.
Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), il-virus qatel 11,300 persuna miċ-ċentru u nofsinhar tal-Afrika u iktar minn 28,500 persuna ġew infettati.