Sitwazzjoni ta’ “tħassib” fir-Renju Unit wara kważi 3,000 każ ġdid

Getty Images

Ir-Renju Unit irreġistra żieda sostanzjali ta’ 2,988 każ ġdid ta’ Covid-19 il-Ħadd, l-ikbar żieda sa minn Mejju. Din is-sitwazzjoni kienet deskritta bħala waħda “ta’ tħassib” mis-Segretarju tas-Saħħa Matt Hancock, li żied jgħid li l-maġġoranza tal-pazjenti ġodda kienu żgħażagħ.

“Iż-żieda fil-każijiet li rajna llum hija ta’ tħassib. Il-każijiet huma fil-parti l-kbira fost iż-żgħażagħ, iżda rajna f’pajjiżi oħra madwar id-dinja u fl-Ewropa kif din it-tip ta’ żieda eventwalment tinfirex fost il-popolazzjoni kollha.”

Huwa appella biex kulħadd isegwi r-regoli ta’ distanza soċjali biex l-infezzjoni ma tinxteridx.

Minkejja li fl-aħħar ġimgħat kibru n-numru ta’ każijiet fil-pajjiż, in-numru ta’ persuni li ddaħħlu l-isptar u li tilfu ħajjithom baqgħu f’livelli baxxi. Filfatt, matul il-ġurnata tal-Ħadd tħabbru żewġ imwiet, għal total ta’ 41,551.

Hancock qal li l-Gvern se jkompli juża lockdowns lokali biex jikkontrolla l-imxija tal-marda, iżda r-rispett tad-distanza soċjali kellha tibqa’ l-ewwel linja tad-difiża.