Sitwazzjoni ta’ ostaġġi fl-Ukrajna tintemm b’wiċċ il-ġid

REUTERS/Mykola Martyniuk

Read in English.

It-13-il persuna li ttieħdu bħala ostaġġi minn fuq xarabank fil-punent tal-Ukrajna nħelsu mingħajr ġrieħi nhar it-Tlieta, wara li l-President Volodymyr Zelenskiy kellem lil dak li ħataf lill-ostaġġi bit-telefon u qabel li jissodisfa t-talba tiegħu biex jappoġġja dokumentarju dwar id-drittijiet tal-annimali li nħareġ fl-2005.

Il-pulizija arrestaw lis-suspettat, li s-servizz ta’ sigurtà statali (SBU) identifikaw bħala Maksym Kryvosh ta’ 44 sena, li ħataf ix-xarabank fil-belt ta’ Lutsk, u qal li huwa armat b’pistoli u splussivi.

Il-Ministru għall-Intern, Arsen Avakov qal li Kryvosh kien serva xi żmien fil-ħabs u l-SBU qalu li huwa kien ixerred “opinjonijiet estremisti”. Il-pulizija qali li Kryvosh hedded li jisplodi l-karozza tal-linja u li jisplodi splussivi oħra f’parti popolata tal-belt.

F’mossa biex jiżgura l-ħelsien tal-ostaġġi, Zelenskiy qal li kellem lil Kryvosh għal bejn seba’ u għaxar minuti, u qabel ma’ waħda mit-talbiet tiegħu, li jippromwovi d-dokumentarju ‘Earthlings’, li l-kummentarju tiegħu sar mill-attur Joaquin Phoenix.

Zelenskiy għamel dan fi klipp ta’ sitt sekondi li tpoġġiet fuq il-paġna ta’ facebook tal-presidenza, iżda li wara tħassret.

Il-president qali li kien ipperswada lil Kryvosh biex l-ewwel jeħles lil tlieta mill-ostaġġi, inkluż mara tqila.

“Qbilna li kien se jeħles lil tliet persuni, u li wara dan jien nirrekordja vidjo,” qal Zelenskiy.

Zelenskiy ingħata l-għażla li jsir assalt fuq ix-xarabank, imma ma riedx li jirriskja li l-ostaġġi jitilfu ħajjithom matul dan l-attakk. “Ksibna r-riżultat mixtieq – ħadd ma tilef ħajtu,” żied jgħid.

L-SBU ippubblikaw ritratt ta’ Kryvosh mixħut fl-art b’persunal tas-sigurtà madwaru wara li ġie arrestat. Avakov qal li persuna kompliċi ma’ Kryvosh inqabdet fil-belt ta’ Kharkiv fil-lvant tal-pajjiż.

Il-pulizija kienu għalqu ċ-ċentru tal-belt permezz ta’ uffiċjali armati, karozzi u vettura korazzata waqt li kienu qed jikkonvinċi lil Kryvosh biex jeħles lill-ostaġġi, f’konfront li dam il-jum kollu.

Ritratti u vidjo juru xarabank żgħir ipparkjat f’nofs triq vojta, b’tal-anqas żewġ twieqi mkissrin waqt li oħrajn kienu mgħottijin b’purtieri. Il-pulizija qalu li Kryvosh tefa’ granata barra mix-xarabank. Avakov qal li Kryvosh kien spara tiri mill-karozza lejn il-pulizija.

Fuq il-midja soċjali, Kryvosh kien talab ukoll li uffiċjali għolja fl-Ukraina jippubblikaw dikjarazzjonijiet fejn jgħidu li huma terroristi.

“Il-film li dan ir-raġel qed jitkellem dwaru huwa wieħed tajjeb. Madankollu m’hemmx għalfejn … toħloq dan il-pandemonju kollu għall-pajjiż. Kulħadd jista’ jara l-film mingħajr din il-kedda,” ikkonkluda Avakov.