Sitwazzjoni kritika fuq l-MV Marina; 77 persuna abbord

REUTERS/Jon Nazca

Read in English.

Il-kaptan tal-vapur MV Marina, it-Tlieta filgħodu bagħat imejl urġenti liċ-Ċentru ta’ Kordinazzjoni ta’ Salvataġġ (RCC) ta’ Malta, fejn iddeskriva s-sitwazzjoni kritika li jinsab fiha l-vapur, li kmieni l-Ħadd filgħodu ntalab itella’ abbord 77 immigrant li kienu bejn sema u ilma. Il-kaptan qal li kulma jmur it-tensjoni qed tkompli tiżdied, hekk kif l-immigranti bdew isiru aggressivi ma’ xulxin u ma jobdux lill-membri tal-ekwipaġġ.

Barra minn hekk spiċċaw bla ilma. Il-kaptan tal-vapur qal li lanqas m’għandhom biżżejjed ikel għall-24 siegħa li ġejjin. Żied jgħid li sitt immigranti għandhom bżonn l-għajnuna medika. Stqarr li l-vapur m’għandux biżżejjed tagħmir protettiv għall-immigranti. B’kollox hemm 13-il membru tal-ekwipaġġ li m’għandhomx esperjenza fit-tiftix u salvataġġ.

Il-vapur qed jitlob permess lill-awtoritajiet Maltin biex jidħol Malta, kif kien skedat li jagħmel qabel ma ntalab li jtella’ lill-immigranti abbord.

RCC ta’ Malta talbet lill-MV Marina biex ittella’ l-immigranti

Id-drama tal-vapur li bħalissa jinsab ballun f’saqajn l-awtoritajiet Maltin u Taljani, bdiet il-Ħadd ftit qabel it-3am. Il-vapur irċieva messaġġ mill-RCC ta’ Malta biex ibaħħar f’ċertu direzzjoni u jibda ħidma ta’ tiftix u salvataġġ għal dgħajsa tal-injam b’immigranti abbord, li kienu fil-periklu li jitilfu ħajjithom.

F’dak il-mument, l-MV Marina kien fi triqtu minn Sfax għall-Freeport f’Marsaxlokk. Kien mistenni jħott 265 kontejner f’Malta u jgħabbi 253 oħra biex jeħodhom lejn Sousse.

Dr Anne Fenech, l-avukat li tirrappreżenta lill-kumpanija, qalet ma’ Newsbook.com.mt, li l-MV Marina obda immedjatament l-istruzzjonijiet li rċieva mill-RCC ta’ Malta u sab id-dgħajsa. Abbord kien hemm 77 persuna – 74 raġel u 3 nisa, li ttellgħu mill-ewwel fuq l-MV Marina.

Il-kaptan tal-vapur talab għal struzzjonijiet dwar fejn se jwassal lill-immigranti, imma s’issa għadu ma rċieva xejn.

Malta jew Lampedusa?

Newsbook.com.mt huwa infurmat li l-vapur baħħar lejn Lampedusa u talab lill-Port ta’ Lampedusa għall-permess biex ikun jista’ jniżżel l-immigranti. Madanakollu Lampedusa rrifjutat u spjegat li jekk l-istruzzjonijiet ingħataw mill-RCC ta’ Malta, l-istess RCC huwa responsabbli.

Ma’ Newsbook.com.mt, Dr Anne Fenech qalet li personalment ikkuntattjat lill-Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-Brigadier Jeffrey Curmi. Żiedet tgħid li r-risposta li kisbet mill-FAM jidher li timplika li l-RCC ta’ Malta qed tagħmel rappreżentazzjoni lil Lampedusa, iżda tissuġġerixxi wkoll li s-sidien jagħmlu l-istess.

Is-sidien qed jitolbu lil RCC ta’ Malta biex tħalli lill-vapur ikompli fi triqtu lejn Malta, iniżżel l-immigranti u jkompli bil-ħatt u t-tgħabija tal-kontejners.