Read in English.
Il-Gvern Malti qal li Malta ma tinsabx f’pożizzjoni li tiggarantixxi r-riżorsi għas-salvataġġ lil immigranti, iżda se jkun qed idaħħal f’detenzjoni grupp li fl-aħħar sigħat kien viċin Malta. Fi stqarrija, il-Gvern qal li d-deċiżjoni ttieħdet mill-Kabinett tal-Ministri u li fiha ġie maqbul li ma jitħallewx jidħlu aktar immigranti minħabba l-imxija tal-coronavirus.
Il-Gvern tefa’ fir-responsabbiltà ta’ dawn il-persuni u qal li m’għandhomx jipperikolaw ħajjithom “bi vjaġġi riskjużi u billi jersqu lejn pajjiż li mhux f’qagħda li joffrilhom post sigur”.
Aktar kmieni l-grupp kellu kuntatt mas-suldati Maltin meta dawn infurmawhom li ma jistgħux jidħlu Malta.
“Se mmutu f’ibħra Maltin” – l-immigranti wara li ma kinux se jitħallew jidħlu
Għall-ħabta tas-7pm, Alarm Phone li toffri sapport lil nies li jkunu f’diffikultà fil-Mediterran, qalet li madwar 70 immigrant ġew mgħarrfa mis-suldati Maltin li ma jista jidħol ħadd f’Malta.
Jgħidu li s-suldati Maltin qatgħu il-wajers tal-mutur u anki beda dieħel l-ilma fid-dgħajsa li fuqha jinsabu. Fil-messaġġ li ntbagħat lil Alarm Phone, l-immigranti jgħidu li uffiċjal Malti nstema jgħid “I leave you to die in the water. Nobody will come to Malta.”
Aktar tard, f’messaġġ ieħor mibgħut lil Alarm Phone din id-darba bit-Taljan, l-immigranti jgħidu li se jmutu f’ibħra Maltin. “Għinuna jekk jogħġobkom!”
“Ġew ikkunsidrati l-Avviżi Legali li ġew ppubblikati b’urġenza”
Il-Gvern qal li ma jidħlux aktar immigranti ttieħdet hekk kif ġew ikkunsidrati wkoll l-Avviżi Legali kollha li ġew ppubblikati b’urġenza kif ukoll is-sitwazzjoni fiċ-ċentri tal-immigranti. Intqal li Malta mhijiex f’pożizzjoni li toffri post sigur għall-iżbark ta’ immigranti “mingħajr ma tikkomprometti u tippreġudika l-funzjonalità, l-infrastruttura loġistika u strutturi ta’ sigurtà, kif ukoll l-isforzi kollha tal-awtoritajiet tas-saħħa u awtoritajiet oħra involuti biex jegħlbu l-firxa tal-COVID-19 u jikkuraw lil dawk milquta minnha”.
Il-Gvern bagħat ukoll stqarrija lill-Kumissjoni Ewropea jinfurmaha bis-sitwazzjoni.