Sitwazzjoni allarmanti fil-ħabs minħabba l-Covid-19

Uffiċjal Kordin ħabs
Ritratt: Facebook - CCF

Read in English.

Minħabba l-pandemija tal-coronavirus, li skont sorsi fil-ħabs tinsab “bla kontroll”, is-sitwazzjoni ta’ spazju fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sejra mill-ħażin għall-agħar.  Il-problema ta’ spazju kkonfermaha wkoll id-Direttur tal-Ħabs Alexander Dalli, li riċentament stqarr li l-ħabs hu żgħir biex jakkomoda daqstant priġunieri. Bħalissa fil-faċilitajiet tal-ħabs hemm madwar 900 priġunier.

Skont sorsi infurmati l-każi fost il-priġunieri reġgħu telgħu, u għal xi żmien kien hemm 20 priġunier attiv. Fil-ġimgħat li għaddew, kelliema għall-Ministeru għall-Intern qalet ma’ Newsbook.com.mt, li Diviżjoni 6 fil-Faċilità nbidlet f’sezzjoni ta’ iżolament u tinkludi sezzjonijiet kemm għal min hu kwarantina kif ukoll għal min irid ifiq.

“Priġunieri li għadhom deħlin jitpoġġew ma’ priġunieri pożittivi”

Din il-kamra tal-aħbarijiet irċeviet telefonati u messaġġi minn uffiċjali korrettivi u minn qraba ta’ priġunieri. Dawn esperimew l-għadab tagħhom minħabba li “l-awtoritajiet qed ipoġġu lil priġunieri ġodda f’Diviżjoni 6 mill-ewwel, fejn hemm priġunieri pożittivi”. Minn informazzjoni li għandu dan is-sit, ġieli tpoġġew ukoll fil-green room – kamra żgħira ħafna li normalment tintuża sakemm xi ħadd marid, perikoluż jew f’riskju li jweġġa’ lilu nnifsu jkun qed jistenna tabib.  Infurmati wkoll li dan l-aħħar f’din il-kamra ġieli tpoġġew żewġ priġunieri, b’wieħed minnhom pożittiv għall-Covid-19. Barra minn hekk, għal xi jiem din id-Diviżjoni kienet magħluqa.

Għal dawk pożittivi għall-coronavirus kif ukoll dawk li qed jagħmlu kwarantina ġiet allokata wkoll Diviżjoni 14, li sa ftit żmien ilu kienet tissejjaħ Female B.  F’dawn id-diviżjonijiet, minħabba l-infezzjonijiet tal-virus, ix-xogħol li qabel kien jagħmel l-uffiċjal korrettiv, bħat-tqassim tal-ikel, rimi tal-boroż taż-żibel u tqassim tax-xirjiet, issa qed isir mill-infermiera.

L-istess uffiċjali qalu li filwaqt li jifhmu u japprezzaw li dan qed isir biex jipproteġuhom, imma “jekk jinqala’ xi ħaġa lill-infermiera nidħlu fl-inkwiet”.

Żiedu jgħidu li f’Diviżjoni 19 dan l-aħħar kien hemm madwar 40 priġunier, u minkejja li wieħed minnhom irriżulta pożittiv, tħallew f’daqqa. Din id-diviżjoni ma fihiex ċelel imma hija dormitorju.

Intant, 50 priġunier mara fis-Sezzjoni tan-Nisa jinsabu msakkrin il-ħin kollu fiċ-ċelel rispettivi tagħhom, b’uħud minnhom pożittivi.

X’allegatament qed jiġri f’Division 6 u fis-single rooms?

Persuna qrib priġunier għamlet kuntatt ma’ Newsbook.com.mt fejn allegat li f’Division 6 u fis-single rooms:

  • Fl-aħħar jiem saret fumigazzjoni taċ-ċelel: Il-gwardjani lebsin ilbies protettiv, u l-ħabsin tħallew fiċ-ċella waqt li kien għaddej il-proċess: spiċċaw bi ħruq ta’ stonku u b’għajnejhom jaħarqu
  • Single room (10 piedi b’7) li fiha qed jgħixu erba’ priġunieri, wieħed minnhom kważi mal-art.
  • F’waħda mis-single rooms kien hemm tlieta pożittivi għall-Covid-19, ieħor le u hu vulnerabbli.
  • Joħorġu biss biex iċemplu u jinħaslu. Ġieli jdumu ma jħalluhom iċemplu, u meta l-qraba jċemplu l-ħabs, jgħidulhom “għax hekk hemm bżonn ma jċemplux”.
  • “Annimali qed jistmawhom”
  • Ħmieġ fil-kmamar – wirdien, saqaf mimli nemus.

Kif jista’ jittaffa l-iffullar fil-ħabs?

Newsbook.com.mt tkellem ma’ sorsi qrib il-ħabs, li spjegaw li l-liġi tal-ħabs tagħti saħħa lill-Ministru għall-Intern li jiddikjara postijiet oħra li jistgħu jservu bħala ħabs sabiex l-iffullar jittaffa xi ftit u l-priġunieri jkollhom aktar spazju u jingħataw aktar dinjità. Semmew diversi possibilitajiet, fosthom:

  • Li l-Għassa tal-Pulizija ta’ Raħal il-Ġdid issir parti mill-ħabs peress li tinfed ma’ Diviżjoni 7
  • L-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinarji inkella r-rekluti jmorru jitgħallmu fl-akkademja ħalli l-klassijiet u l-kontejners f’Kordin jintużaw bħala ċelel.
  • Li l-blokka tal-amministrazzjoni fil-ħabs tinbidel f’ċelel temporanji. Hu mifhum li minn dejjem kienet imfassla u mgħammra biex tintuża għal dan l-iskop. L-uffiċini faċli jmorru f’kontejners mgħammra apposta.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa,  is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci qalet li sa mill-bidu nett tal-pandemija, iltaqgħet mal-awtoritajiet tal-ħabs li għandhom pjanijiet kemm jekk ikun hemm każi pożittivi, kif ukoll mezzi ta’ prevenzjoni. Fil-mistoqsija tal-ġurnalista lbieraħ ġie allegat li f’waħda mil-laqgħat li saru mal-amministrazzjoni tal-ħabs, wieħed mill-partijiet telaq ‘il barra minħabba nuqqas ta’ qbil. 

Sorsi infurmati qalu wkoll li f’Kordin, il-priġunieri u l-ħaddiema qed jiġu ttestjati permezz tar-rapid testing u dan jista’ jwassal biex l-awtoritajiet tas-saħħa ma jkunux infurmati bl-eżatt kemm hi ċ-ċifra ta’ każi pożittivi fil-ħabs.

Taħseb li għandu jsir lockdown?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt