Sitt xhur ta’ Gvern Laburista jfisser żieda fil-qgħad – PN

Il-frott ta’ sitt xhur ta’ amministrazzjoni Laburista f’pajjiżna huwa żieda sostanzjali fin-numru ta’ persuni bla xogħol.

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista li fi stqarrija saħaq li llum l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika tefa’ dawl fuq kemm verament reġa’ qed jgħolli rasu l-qgħad f’pajjiżna.

L-istqarrija tgħid li filwaqt li fl-aħħar xhur il-Gvern kien mehdi joħloq postijiet tax-xogħol f’Ministeri u entitajiet varji għan-nies tal-qalba, baqa’ ma tkellem qatt fuq is-suppost politika li għandu għall-ħolqien tax-xogħol.

Dwar dan kollu, pajjiżna għadu fl-għama. Il-Prim Ministru u l-Ministri responsabbli mill-ħolqien tal-impjiegi huma responsabbli, u fid-dmir li jgħidu lill-poplu Malti, x’miżuri qed jieħdu biex jaraw minn fejn qed jintilfu dawn l-impjiegi, u x’qed isir biex is-sitwazzjoni tiġi rimedjata, ittem tgħid l-istqarrija.