Sitt xhur ħabs għal 3 immigranti li pruvaw jaħarbu f’kontejner

Read in English.

Tliet immigranti li ppruvaw jaħarbu ġo kontejner il-Ħamis li għadda, ġew ikkundannati sitt xhur ħabs wara li ammettew l-akkużi miġjuba kontrihom.

L-immigranti li għandhom bejn 18 u 29 sena, huma kollha ta’ nazzjonalità Sudaniża u residenti fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far. Huma ġew arrestati u tressqu l-Qorti wara li nqabdu fit-Terminal tal-Belt Valletta.

It-tliet persuni ġew akkużati li telgħu fuq bastiment mingħajr ma infurmaw lill-awtoritajiet tal-immigrazzjoni, mingħajr il-permess tal-kaptan kif ukoll li daħlu f’żona ristretta tal-port.

L-immigranti li kienu assistiti minn interpretu ammettew l-akkużi miġjuba kontrihom. Wara li ngħataw iċ-ċans biex jikkonsultaw mal-avukat tagħhom, huma ikkonfermaw d-dikjarazzjoni li għamlu.

L-avukat tal-għajnuna legali Martin Fenech issuġġerixxa li l-akkużati jingħataw sentenza sospiża bl-argument li din tkun iktar sentenza effettiva minn dik ta’ ħabs, madankollu l-Qorti ma qablitx ma’ dan l-argument u kkundannat lill-irġiel sitt xhur ħabs.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christian Abela.