Sitt sigħat jistennew għas-CT Scan minħabba ħsara

Pazjenti li fit-2 ta’ Settembru li għadda marru l-isptar Mater Dei biex isirilhom CT Scan tħallew jistennew aktar minn sitt sigħat minħabba li l-magna kienet bil-ħsara.

Persuni li għamlu kuntatt ma’ Newsbook.com.mt sostnew li kellhom appuntament għat-Tnejn li għadda fid-9am iżda tħallew jistennew mingħajr ma ngħataw raġuni għad-dewmien.

Spjegaw li l-eżami tas-CT Scan innifsu ma jdumx u pazjent idum biss ftit minuti fis-sala, imma qabel jingħata flixkun b’kimika li jrid jixrob.

Wara li kellhom iqattgħu sitt sigħat jistennew, uħud mill-pazjenti staqsew lill-infermiera x'kienet ir-raġuni tad-dewmien kollu.

Huma ġew infurmati li l-magna kienet bil-ħsara u li kien hemm tekniku li kien qed iwettaq it-tiswijiet meħtieġa.

Il-persuni li għamlu kuntatt ma’ Newsbook.com.mt sostnew li kellhom ikunu huma li jistaqsu biex ikunu jafu x’kien qed jiġri.

Qalu wkoll li meta saru t-3.30 pm l-infermiera qalulhom biex imorru f’sala oħra.

Jirriżulta li din is-sala kienet biss ftit metri 'l bogħod fl-istess passaġġ.

Dawn l-istess persuni li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt sostnew li l-eżami tas-CT Scan sarilhom normali bħas-soltu iżda kienu rrabjati li kellhom jagħmlu dawk is-sigħat kollha jistennew meta setgħu ġew trasferiti fis-sala l-oħra f’ħin iqsar.