Sitt qaddisin ġodda

Nhar is-Sibt 19 ta’ Mejju fids-Sala tal-Konċistorju tal-Palazz tal-Vatikan il-Papa Franġisku se jippresiedi Konċistorju li fih mistennija jkunu kanoniżati il-Beatu Pawlu VI, Mons. Oscar Romero, Dun Francesco Spinelli, Dun Vincenzo Romano, Suor Maria Katharina Kasper u Suor Nazaria Ignacia March Mesa. Iċ-ċerimonja uffiċjali mistennija ssir aktar tard din is-sena.
Papa Pawlu VI twieled Giovanni Battista Montini twieled fi Brescia, l-Italja f’Settembru 1897. Minħabba li kien marid, l-edukazzjoni bikrija tiegħu ħadha fid-dar stess. Wara studja fis-seminarju u kien ordnat saċerdot f’Mejju 1920 u l-Isqof tiegħu bagħtu jkompli l-istudji f’Ruma u aktar tard serva fis-servizz diplomatiku tal-Vatikan. Wara xi xhur fin-Nunzjatura f’Warsaw irritorna l-Italja minħabba saħħtu u baqa’ jservi għal 30 sena sħaħ fis-Segretarjat tal-Istat tal-Vatikan. F’Novembru 1954 sar Arċisqof ta’ Milan u l-Papa Ġwanni XXIII ħatru Kardinal fl-1958. Fil-21 ta’ Ġunju 1963 inħatar mexxej tal-Knisja Kattolika u ħa l-isem ta’ Pawlu VI. Il-Pontifikat tiegħu beda wara l-ewwel sessjoni tal-Konċilju Vatikan II u hu mexxa t-tliet sessjonijiet ta’ wara u meta spiċċa l-Konċilju f’Settembru 1965 ried iwettaq ir-riformi li kienu approvati. F’Lulju 1965 ippubblika l-enċiklika Humanae Vitae – dwar il-ħajja umana – u aktar tard dik dwar iċ-Ċelibat Saċerdotali, it-tnejn ġiebu kontroversja kbira. Hu miet f’Awwissu 1978 f’Castel Gandolfo. F’Marzu 1993 infetħet il-kawża għall-Beatifikazzjoni tiegħu. F’Mejju tal-istess sena sar Serv ta’ Alla u f’Ottubru 2014 sar Beatu.
Mons. Oscar Arnulfo Romero twieled f’Awwissu 1917 f’ Ciudad Barros f’El Salvador. Fid-dar kellhom librerija kbira u missieru għallem lilu u lil ħutu, seba’ kollha subien ħlief waħda.  Il-missier ma kienx kattoliku ferventi iżda l-omm kienet reliġjuża ħafna. Oscar kien l-aktar wieħed reliġjuż fost ħutu u barra mill-knisja kien iqum jitlob anke matul il-lejl. Ta' 4 snin, Óscar intlaqat minn poliomielite li żammitu għal xhur milli jiċċaqlaq u milli jitkellem u ħalliet konsegwenzi fit-tul fuq il-karattru tiegħu. Billi fiżikament kien dgħajjef ma tantx kien jilgħab mat-tfal l-oħra. Mix-xogħol ta' missieru bħala telegrafu, huwa beda jaffaxxina ruħu mill-mikrofoni, radjijiet u mezzi ta' komunikazzjoni. L-għalliema tiegħu jiftakruh tajjeb fl-Ispanjol iżda li xejn ma kien iħobb il-Matematika. Fi żjara li l-ewwel isqof ta' San Miguel, Juan Antonio Dueñas y Argumedo, għamel fi Ciudad Barros, dan staqsa liċ-ċkejken Óscar x'jixtieq isir la jikber dan wieġbu qassis. Iżda l-isqof b'subgħu l-kbir miss moħħ Óscar u qallu "Int se ssir isqof". Ħafna żmien wara, Romero meta kien fil-fatt sar isqof kien jgħid filwaqt li jmiss moħħu "Hawn ara, għadni nħoss is-suba' kbir tiegħu." Ta’ 13 wera x-xewqa li jsir saċerdot kif  fil-fatt sar f’April 1942. Lura f’pajjiżu fl-1944 ingħata diversi inkarigi. F’April 1970 inħatar Isqof Awżiljarju f’San Salvador u għaċ-ċerimonja tal-ħatra attendew niex minn kull rokna tal-pajjiż. F’Ottubru 1974 inħatar Isqof ta’ Santiago de Maria, ħatra li ngħatatlu min Nunzju Appostoliku il-Malti Mons. Emanuele Gerada. Fi Frar 1977 sar Arċisqof ta’ San Salvador. Hu kien jitkellem fil-miftuħ kontra l-ħruxijiet imwettqa mill-Istat fuq iċ-ċittadini, l-aktar dawk foqra tant li r-Reġim Dittatorjali sar l-eqqel għadu tiegħu. Fit-23 ta’ Marzu 1980 għamel Omelija qawwija fejn appella lill-Armata ma tobdix l-ordnijiet tal-Gvern biex toqtol lin-nies li huma ħuthom ukoll.  L-għada l-Arċisqof Romero ġie assassinat fis-sitta u nofs ta' filgħaxija waqt li kien qed iqaddes fil-kappella ta' l-Isptar tal-Providenza Divina f'San Salvador stess. Skont audio-recording tal-Quddiesa, huwa ntlaqat minn tir ta' arma sparat waqt li kien qed jgħolli l-kalċi fi tmiem ir-rit Ewkaristiku. Demmu nfirex fuq l-altar u tħallat mal-inbid tal-kalċi li l-Insara jemmnu li jsir id-Demm ta' Kristu.
 
 
Dun Francesco Spinelli twieled f’Milan f’April 1853 u kien ordnat saċerdot f’Ottubru 1875. Fl-1882, flimkien ma’ Caterina Commensoli waqqaf il-kongregazzjoni tas-Sorijiet Adoratriċi tas-Santissmu Sagrament. F’April 1889 telaq mid-djoċesi ta’ Bergamo u mar jaħdem fi Cremona u aktar tard fir-raħal ta’ Rivolta d’Adda. Qaddes l-aħħar quddiesa tiegħu fil-Milied tal-1912 u miet fi Frar  1913. Il-kawża għall-beatifikazzjoni tiegħu bdiet fl-1952. Fil-21 ta’ Ġunju 1992 kien dikjarat Beatu. Fis-27 ta’ Frar li għadda il-Kongregazzjoni għall-Kawża tal-Qaddisin ikkonfermat il-miraklu bl-interċessjoni tiegħu u fis-6 ta’ Marzu l-Papa Franġisku ppromulga d-digriet dwar dan il-miraklu li hu l-aħħar fażi biex bniedem ikun dikjarat qaddis.
Dun Vincenzo Romano twieled fit-3 ta’ Ġunju 1751 f’Torre del Greco. Sa minn ċkejken kien jgħid li jrid isir saċerdot tant li ta’ 14-il sena daħal is-seminarju djoċesan ta’ Napli. Kien ordnat saċerdot f’Ġunju 1775 u beda jaħdem bla waqfien favur il-foqra, il-morda, il-baħħara u dawk fil-bżonn tant li kien magħruf bħala “is-saċerdot ħaddiem”. L-iżbroff tal-Vessuvju f’Ġunju 1794 qered jważi l-belt kollha nkluż il-knisja parrokkjali. Ħames snin wara sar Kappillan u temm il-bini ta’ knisja ġdida. Tul it-33 sena ta’ saċerdozju l-akbar missjoni tiegħu kienet il-proklamazzjoni tal-Vanġelu fost il-fqar u n-nies fil-bżonn. Miet f’Diċembru 1831 u kien proklamat Beatu f’Novembru 1963.
Suor Ignacia Nazaria March Mesa, twieldet f’Madrid fl-1889 f’familja ta’ għaxart itfal. Fl-1898 għamlet l-Ewwel Tqarbina u dakinhar qalet li semgħet lil Alla jsejħilha biex timxi warajh. Il-ġenituri tagħha kienu kontra li tibda ħajja reliġjuża u ma kienux iħalluha tirċivi s-sagramenti. Marret għix ma’ nannitha u fl-1901 ħadet il-Ġriżma tal-Isqof u daħlet fit-Terz Ordni ta’ San Franġisk. Fl-1904 il-familja kollha telqet lejn il-Messiku u hi daħlet mas-Sorijiet tal-Anzjani Abbandunati. Bejn l-1908 u l-1920 marret il-Bolivia tieħu ħsieb l-anzjani morda. Irritornat lejn Spanja biex ipprofessat bħala soru f’Diċembru 1909 u ħadet l-isem ta’ Nazaria ta’ Santa Tereża tal-bambin Ġesu’. F’Diċembru 1926 waqqfet il-Kongregazzjoni Missjunarji tal-Kruċjata u fl-1930 kienet eletta superjura ġenerali tal-ordni. Fl-1938 marret l-Arġentina fejn kienet marida ħafna u mietet fl-1943 bi pneumonia. Fl-1966 inbidet il-kawża għall-Beatifikazzjoni tagħha u Pawlu VI ta t-titlu ta’ Serv ta’ Alla. Ġwanni Pawlu II għamilha Venerabbli fl-1988 u fl-1992 kien konfermat it-tieni miraklu bl-interċessjoni tagħha. Fl-20 17 kien approvat it-tielet miraklu li kien approvat mill-Papa f’Jannar li għadda.
Suor Maria Katharina Kasper twieldet f’Mejju 1820 f’Dernbach, il-Ġermanja f’familja ta’ raħħala u kienet l-unika tifla fost erba’ aħwa. Sa minn tfultiha kienet tħobb taqra l-aktar il-Bibbja u l-ktieb “Imitation of Christ”. Filwaqt li kienet għadha l-iskola kienet tgħin ukoll fix-xogħol tad-dar u fir-raba’ tal-familja u ħasset is-sejħa għall-vokazzjoni reliġjuża minn kmieni. Wara ll-mewt tal-ġenituri tagħha u ħuha uriet ix-xewqa li tidħol soru iżda mhux f’xi kongregazzjoni diġa’ eżistenti.Wara ħafna taħbit, fil-15 ta’ Awissu 1851 waqqfet il-kongregazzjoni “Is-Servi Foqra ta’ Kristu” u saret Superjura Ġenerali għal ħames termini wara xulxin filwaqt li l-kongregazzjoni kompliet tinfirex mal-Ġermanja u l-Olanda u aktar tard fl-Amerika. Fis-27 ta’ Jannar 1898 mietet b’attakk tal-qalb. Il-proċess għall-Beatifikazzjoni tagħha fetaħ fl-1928 u fl-1946 saret Serva ta’ Kristu. Fl-1974 kienet dikjarata Venerabbli, F’April 1978 kienet Beatifikata.