Sitt pulizija żammew lil Pasqualino Cefai milli jħebb għall-Maġistrat

Kompliet il-kumpilazzjoni ta’ evidenza kontra Pasqualino Cefai, li jinsab akkużat li aktar kmieni dan ix-xahar hedded li joqtol lill-Maġistrat, uffiċjal tal-pulizija u l-familja tiegħu.
Fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Kevin Pulis qal kif fit-2 ta’ Ottubru, hu flimkien ma’ ħames pulizija oħra, żammew lil Cefai meta pprova jħebb għall-Maġistrat. Żied jgħid li wara li rnexxielhom jimmanettjawh ħaduh fiċ-ċella taħt il-bini tal-Qorti, fejn Cefai beda jħabbat rasu mal-ħajt. Xehed ukoll l-Ispettur Johan Fenech li qal li x’ħin bdiet il-kawża, l-avukat ta’ Cefai ma kienx fl-awla u qalilhom biex jistennewh. Spjega kif hu ħareġ barra jgħajjat lill-avukat. Qal li l-kawża xorta baqgħet għaddejja u li kien dak il-ħin li Cefai sar isteriku.
Messaġġiera mal-Maġistrat Miriam Hayman qalet li meta kienet fis-sigrieta, semgħet lill-Maġistrat tgħid lil Cefai biex joqgħod kwiet, u x’ħin ħarġet sabitu jagħti mal-ħajt. Min-naħa tagħha, id-deputat reġistratur spjegat li semgħet lil Maġistrat tgħid li se tkompli mingħajru u ratu jagħti mal-bieb.
Il-Maġistrat Audrey Demicoli qalet li hemm biżżejjed xhieda biex Cefai jitqiegħed taħt att ta’ akkuża. Il-każ ikompli jinstema’ f’Diċembru.
F’Ġunju li għadda, Pasqualino Cefai li għandu 39 sena u huwa miż-Żebbuġ Għawdex, kien ingħata sentenza ta’ seba’ snin priġunerija wara li nstab ħati li ħebb b’mus u weġġa’ gravi lil Joseph Portelli f’awla fil-Qorti ta’ Għawdex.