Sitt persuni jmutu wara rewwixta f’ħabs fis-Sri Lanka

Minn tal-inqas sitt persuni nqatlu u 52 oħra ndarbu wara rewwixta li qamet f’ħabs fis-Sri Lanka. Skont ġurnali internazzjonali, uffiċjali qalu li fir-rewwixta raw lill-gwardjani tal-ħabs jiġġieldu mal-priġuniera.

Il-priġuniera kienu bdew protesta qalb żieda fil-firxa tal-pandemija tal-coronavirus fil-ħabsijiet. Huma bdew jitlobu biex jinħelsu qabel fuq bail u biex ikollhom faċilitajiet aħjar.

Kelliem għall-pulizija qal li l-gwardjani tal-ħabs użaw il-forza biex jikkontrollaw sitwazzjoni perikoluża fil-ħabs Mahara.

Fil-pajjiż kienu rrappurtati madwar 1,000 każ li ħarġu minn ħabsijiet li huma ffullati bil-priġuniera.

Rapporti fil-midja qed jgħidu li l-gwardjani tal-ħabs saħansitra użaw l-armi tan-nar tagħhom biex jikkontrollaw l-irvell. Residenti kienu kkwotati jgħidu li raw ukoll nirien kbar fil-ħabs. Dawk li ndarbu kawża tal-irvell ittieħdu fl-isptar Ragama.

Skont John Hopkins University, fis-Sri Lanka bħalissa hemm 23,484 każi ta’ coronavirus u kienu rrappurtati 116-il mewta.