Sitt persuni jitilfu ħajjithom wara terremot qawwi fin-Nofsinhar tal-Messiku

REUTER/Henry Romero

Read in English.

Terremot qawwi ta’ 7.4 gradi fuq l-iskala Richter laqat il-kosta Paċifika tan-Nofsinhar tal-Messiku fejn tilfu ħajjithom mill-inqas sitt persuni filwaqt li ndarbu bosta oħra f’villaġġi iżolati. Kienet irrappurtata ħsara wkoll f’bini mijiet ta’ kilometri ‘l bogħod fil-Belt tal-Messiku.

L-imwiet seħħew qrib iċ-ċentru tat-theżżiza f’Oaxaca, stat muntanjuż magħruf għall-kafe’ u l-arkitettura kolonjali Spanjola.

Residenti tal-villaġġ kostali ta’ La Crucecita, li skont l-awtoritajiet Messikani kien l-epiċentru tat-terremot, qattgħu sigħat twal barra minn djarhom wara t-terremot hekk kif beżgħu minn skossi oħrajn.

Madwar 200 dar f’din iż-żona kienu milquta, b’30 minnhom b’mod serju, hekk kif fuq ħafna minnhom kienu viżibbli x-xquq fuq il-ħitan tagħhom.

“F’mument wieħed, in-natura ħaditilna kollox”, qal Vicente Romero, sid ta’ ħanut li d-dar tiegħu soffriet danni strutturali. Ħdimna ħajjitna kollha biex ikollna dan il-post”.

Diffikultajiet oħra kkaġġunati mit-theżżiza kienu ġebel kbar li waqgħu fit-toroq li barra li weġġgħu tliet persuni b’mod gravi fil-villaġġ remot ta’ Santa Catarina Xanaguia, għalqu toroq li jgħaqqdu l-kosta mal-bqija tar-reġjun.

Ħaddiema tas-salvataġġ ħadmu sigħat twal f’żoni fejn it-terremot waqqa’ djar u partijiet mill-muntanja. Ritratti fuq il-mezzi soċjali wrew anke knejjes qodma u klinika li sofrew danni kbar.

Fost il-mejta, kien ikkonfermat ħaddiem tal-kumpanija statali taż-żejt f’Oaxaca, li waqa’ mill-għoli mill-akbar raffinerija tal-pajjiż. L-istess raffinerija kellha tingħalaq għal ftit ħin minħabba nirien li żviluppaw. 

Iżda l-impatt inħass ukoll fil-kapitali tal-pajjiż, fejn il-bini ċċaqlaq bil-qawwi u n-nies niżlu fit-toroq hekk kif daqq allarm ta’ twissija. Madwar 30 binja fil-Belt tal-Messiku soffriet danni, inkluż bini li għadu juri sinjali ċari ta’ terremot tal-2017 li ħalla 355 persuna mejta.

Fost l-aktar xeni tal-waħx li dehru fuq il-mezzi soċjali kien hemm dawk ta’ ħaddiema tal-kostruzzjoni li kienu qed jaħdmu fuq is-56 sular ta’ torri residenzjali ġdid li żammew ma’ xulxin hekk kif il-binja bdiet tixxengel.

Skont il-U.S. Geological Survey, l-epiċentru tat-terremot tat-Tlieta kien 69km fil-Grigal ta’ Puchutla, u kien biss’ 26 kilometru taħt l-art, fattur li b’hekk iwassal biex iċ-ċaqlieq jinħass ferm aktar.

Eunice Pineda, għalliema ta’ 26 sena minn Juchitan qalet li t-terremot kien “żewġ minuti ta’ tortura” fost biża’ li d-dar setgħet tikkrolla.

Madankollu, ir-residenti ta’ dawn ir-reġjuni b’attività siżmika qawwija tgħallmu “jgħixu ġurnata ġurnata”, żiedet tgħid Pineda.

“Tgħallimna ngħożżu u napprezzaw kull mument”, temmet tgħid.