Sitt itfal imutu f’għarqa bejn it-Turkija u l-Greċja

Sitt itfal għerqu hekk kif żewġ dgħajjes b’immigranti kienu qed jippruvaw jilħqu l-Greċja mit-Turkija imma sabu l-maltemp.
L-ewwel dgħajsa kienet qed iġġorr madwar 55 persuna, Sirjani u Afgani, bit-tieni waħda kellha biss 20 persuna abbord.
Mill-ewwel dgħajsa, għerqu erbat itfal, kollha Afgani, u mit-tieni waħda, żewġt aħwa bniet, ta’ sena u 4 snin, li s’issa għad mhux magħruf minn fejn kienu joriġinaw.
L-immigrazzjoni għadha fuq l-aġenda tal-UE, li għada mistennija tiffinalizza pjan mat-Turkija li jista’ jara lill-pajjiż jingħata għajnuna finanzjarja u possibiltà ta’ vvjaġġar mingħajr viża lejn pajjiżi tal-UE, jekk it-Turkija tieħu azzjoni ikbar fil-qasam tar-refuġjati. S’issa, it-Turkija qed tilqa’ żewġ miljun immigrant.