Sitt irħula f’Għawdex bla dawl matul il-lejl

6 lokalitajiet f’Għawdex sfaw bla dawl matul dan il-lejl.
Kelliem għall-Enemalta qal ma’ Newsbook.com.mt li d-dawl inqata’ minħabba xi ħsara fuq cable. Il-ħsara affettwat partijiet minn San Lawrenz, minn Ta' Sannat, minn Ta’ Kerċem, mill-Fontana, mix-Xewkija u mill-Munxar.
Spjega li mill-ewwel bdiet il-ħidma biex tittranġa l-ħsara u d-dawl beda jingħata gradwalment lura ftit minuti wara.
Nies li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li kien hemm min dam madwar ħames sigħat bla dawl.
Filwaqt li wera d-dispjaċir għal kull inkonvenjent il-Kelliem għall-Enemalta qal li l-Kumpanija qed tkompli tinvesti fi proġetti biex dejjem issaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni u tnaqqas ir-riskju li jkun hemm ħsarat.
Żied jgħid li f’Għawdex, f’dawn l-aħħar tliet snin twettqu għadd ta’ proġetti fis-sistema tad-distribuzzjoni, fejn tneħħiet id-dipendenza fuq iċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tal-Qala.
Temm jgħid li bħalissa, fil-Mellieħa għaddej ukoll proġett ta’ aktar minn €1.6 miljun sabiex il-linji 33kV antiki li jintużaw biex jissupplixxu l-elettriku lil Għawdex, u li jmorru lura għas-snin sebgħin, jinbidlu ma’ oħrajn ġodda u aktar sikuri taħt l-art.