Filmat: Sitt ijiem ġo kapsula biex isewwu katusa tad-drenaġġ

Read in English.

Sitt ijiem ġo kapsula, 8 sigħat xogħol kuljum biex tinbidel katusa tad-drenaġġ f’ Għawdex.

Ilbieraħ żewġ għaddasa fl-aħħar temmew b’suċċess operazzjoni tal-korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tinbidel katusa qadima f’fond ta’ 90 metru li twassal id-drenaġġ ittrattat fil-baħar.

Xogħol preparatorju metakoluż tlesta minn ġranet qabel biex iż-żewġ għaddasa setgħu jagħmlu l-inżul tagħhom fil-baħar.

Ix-xogħol beda 15-il ġurnata qabel meta żewġ braken fil-port il-kbir ġew attrazzati b’apparat speċjalizzat biex it-Tnejn tal-ġimgħa l-oħra tlestew għall-provi.

Hekk kif l-apparat salpa lejn Għawdex, l-għada t-Tlieta l-għaddasa daħlu f’kapsula (compression chamber) u niżlu f’fond ta’ 60 u 90 metru biex jidbew jaħdmu fuq il-katusa antika li kellha tinbidel.

Matul dan il-perjodu l-għaddasa kellhom jgħixu fil-kapsula, fejn kienu jaħdmu 8 sigħat kuljum, wieħed jaħdem 4 sigħat fuq il-pajp u l-ieħor għassa għal dak jista jinqala’.

Il-kapsula kienet tittella’ mill-baħar wara l-jum tax-xogħol, iżda l-għaddasa kienu jibqgħu ġo fiha. L-għaddasa kienu mgħejjuna minn fuq il-barkun fejn ingħataw struzzjonijiet u saħansitra kienet ikkontrollata t-temperatura tagħhom permezz ta’ lbies speċjali.

Il-Ġimgħa l-pajp intrabat f’postu, tlesta x-xogħol, u l-għaddasa daħlu fil-kapsula tagħhom biex jibdew il-proċess tad-dekompressjoni.

Il-barkun, bil-kapsula bl-għaddasa ġo fiha, reġa’ lura fil-Port il-Kbir u fit-2 ta’ Settembru ħarġu l-għaddasa qawwijin u sħaħ.

Il-Korporazzjoni qalet li din l-operazzjoni swiet madwar nofs miljun ewro u kellha bżonn il-koperazzjoni tal-Awtorità Marittima u tal-Port.

Il-Korporazzjoni wissiet li l-ħsara fil-pajp saret minħabba snin twal ta’ rimi illegali fis-sistema tad-drenaġġ li ħolqu ħsarat kbar fis-sistemi tal-infrastruttura. Dan il-materjal irregolari jvarja minn ħmieġ tal-annimali sa materjal ieħor bħal baby wipes.