Siti qarrieqa: il-Ministeru għall-Finanzi jappella għal kawtela

Read in English.

Il-Ministeru għall-Finanzi qed jappella lill-pubbliku biex jinjora n-numru ta’ siti qarrieqa li qed jinxterfu fuq il-mezzi soċjali. Skont stqarrija mill-Ministeru, fuq dawn il-mezzi qed jinxterdu fost l-oħrajn hyperlinks ta’ artikli mhux veritiera dwar il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna. Mhux hekk biss, jidher li hemm oħrajn li qed iħeġġu lill-pubbliku jinvesti fi skemi qarrieqa.

Skont l-istqarrija, il-Ministeru għall-Finanzi ħa l-passi neċessarji u rrapporta dawn il-każijiet lill-awtoritajiet ikkonċernati. Il-Ministeru appella wkoll lill-pubbliku biex jinjora dawn is-siti.

Il-Ministeru rrakomanda li qabel ma xi ħadd jasal jagħmel xi investiment finanzjarju għandu jivverifika jekk il-kumpanija li magħha qed tagħmel l-investiment hix liċenzjata biex toffri dan it-tip ta’ servizz.