​Siti Ċileni jirrappurtaw bi prominenza l-missjoni tal-Arċisqof Scicluna

It-tieni missjoni tal-Arċisqof Charles Scicluna fiċ-Ċilì biex ikompli l-proċess ta’ riparazzjoni u rijabilitazzjoni tal-vittmi tal-abbuż, ġiet rappurtata bi prominenza fuq diversi siti soċjali u ġurnali Ċileni.
Iż-żjara tal-Arċisqof Scicluna, li se jkun akkumpanjat mill-Monsinjur Spanjol Jordi Bertomeu, din id-darba se tieħdu fid-Djoċesi ta’ Osorno, li tinsab fin-nofsinhar tal-pajjiż.
It-titlu li għażel il-ġurnal diġitali ewlieni Ċilen Elmostrador huwa “Scicluna u Bertomeu jintbagħtu fuq missjoni speċjali f’Osorno”.
Il-ġurnal l-ieħor La Tercera jgħid li l-Papa Franġisku ordna missjoni oħra lil Scicluna u Bortomeu. Dan l-artiklu jsemmi kif huwa ttamat li l-Papa Franġisku jibgħat ittra personali lill-President tal-Konferenza Episkopali taċ-Ċilì indirizzata lill-membri tal-Knisja, l-istess kif kien għamel il-Papa Benedettu Sittax fl-2010 lill-poplu Irlandiż.
Intant ukoll, is-sit tal-Konferenza Episkopali taċ-Ċilì aċċenna għal din iż-żjara meta irrapporta d-dikjarazzjoni tad-Direttur tal-Uffiċċju tas-Santa Sede Greg Burke dwar din il-missjoni.