Sit tal-ITS: L-Awditur Ġenerali b’dubji jekk it-tender sarx sew

Read in English.

L-Awditur Ġenerali esprima d-dubji tiegħu dwar ir-regolarità tat-tender maħruġ minn Projects Malta biex il-Gvern ibiegħ is-sit li qabel kien tal-ITS lill-grupp DB.

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ppubblika r-rapport li fih indika li Projects Malta naqset milli ġġib l-awtorizzazzjoni tad-Dipartiment tal-Kuntratti qabel ħarġet is-sejħa għall-proposti f’Novembru 2015 għad-disinn, il-bini u l-operat ta’ żvilupp turistiku fuq is-sit li kien okkupat mill-ITS.

Ir-rapport jgħid ukoll li l-parti residenzjali ma ngħatatx prominenza fis-sejħa ta’ interess maħruġa mill-Gvern. Konsegwenza li aktarx wasslet biex ikun hemm sottomissjkoni waħda, dik tal-grupp db.

Ir-rapport ta’ 220 paġna tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra llejla fejn fih l-Awditur Ġenerali jgħid ukoll li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru għat-Turiżmu waħħlu f’xulxin meta mistoqsija dwar min ried li jbigħ dan is-sit.

Il-proġett kien ġie approvat mill-Awtorita tal-Ippjanar fl-20 ta’ Settembru 2018.

L-Awditur Ġenerali qal li kellu tħassib kbir fil-mod kif il-kumitat li mexxa n-negozjati kien involut f’taħditiet mal-kumpanija wara li ġiet magħżula. Ir-rapport jgħid li l-ebda rekords ta’ negozjati ma kienu disponibbli u li dan il-fatt illimita lill-uffiċċju tiegħu milli jistabbilixxi x’kien il-ftehim u xi proċess intuża għan-negozjar. L-Awditur jistqarr li dawn naqsu sew mil-livell mistenni ta’ governanza.

L-istima ta’ kemm kienet tiswa l-art ġiet ukoll trattata fid-dokument. L-NAO vvaluta s-sit tal-ITS għal € 67 miljun fl-2016, li jfisser € 11-il miljun aktar minn dak miftiehem fuq l-kuntratt bejn il-Gvern u d-DB. L-Awditur Ġenerali qal li l-att ippermetta wkoll varjazzjoni fil-valur tas-sit ibbażata fuq il-limitu tal-iżvilupp approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar. L-NAO qal li l-applikazzjoni għall-iżvilupp approvata fl-2018 kienet tirrappreżenta proġett iżgħar mhux ħażin.

Aqra r-rapport sħiħ hawn: