Il-Gvern nieda sit ġdid li fuqu se jkun hemm materjal rilevanti għall-istudenti u l-edukaturi u l-ġenituri.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici nieda dan il-programm ta’ outreach flimkien ma’ rappreżentanza ta’ akkademiċi tal-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta mmexxija mid-Dekan Dr Colin Calleja.

Is-sit huwa lovetoteach.info u huwa aġġornat ta’ spiss. Fih wieħed jista’ jsib erba’ sezzjonijiet differenti: waħda għal studenti li jaqgħu taħt il-kategoriji junior u senior, oħra għall-ġenituri, sezzjoni għall-edukaturi u mexxejja edukattivi, u r-raba’ sezzjoni hija għal studenti f’edukazzjoni ogħla, adulti u l-edukaturi tagħhom.
Dan is-sit joffri wkoll serje ta’ webinars bl-isem vEDUti fejn il-Professur Carmel Borg jilqa’ awturi prominenti. Fil-fatt fl-ewwel intervista tiegħu tkellem mal-Professur John Baldacchino mill-Università ta’ Wisconsin.
Il-Gvern qal li l-Fakultà tal-Edukazzjoni llum il-ġurnata hija kkunsidrata bħala waħda mill-aqwa 400 fakultà tal-edukazzjoni fid-dinja.
L-akkademiċi involuti fid-disinn u l-manutezjoni ta’ dan is-sit, il-webinars u l-korsijiet qosra huma:
- Dr Colin Calleja, id-Dekan tal-Fakultà tal-Edukazzjoni
- Dr Michelle Attard Tonna, il-Viċi Dekan tal-Fakultà tal-Edukazzjoni
- Dr Karen Mugliett
- Professor Christopher Bezzina
- Dr Philip Bonanno
- Dr James Calleja
- Dr Patrick Camilleri
- Dr Joseph Vancell
- Is-Sur Mario Testa
- It-tim ta’ Let Me Learn