Sistema ta’ “inċertezza” biex jitħarsu l-miżuri tal-coronavirus fuq il-Gozo Channel – PN

Il-Partit Nazzjonalista tenna t-tħassib tal-ħaddiema tal-Gozo Channel li qegħdin jintalbu joqogħdu għassa għan-nies li jirkbu l-vapur sabiex jaraw li dawn isegwu l-miżuri fil-konfront tal-pandemija, iżda dan mhuwiex xogħolhom u mhumiex imħarrġin għal hekk.

Fi stqarrija, il-PN qal li l-kumpanija Gozo Channel m’għandhiex sistema adekwata biex tara li l-passiġġiera josservaw il-miżuri kontra l-coronavirus.

Jidher li l-ħaddiema huma mħassbin ukoll billi kien hemm xi inċidenti ma’ passiġġiera li rreaġixxew ħażin meta ntalbu josservaw il-miżuri. “Fuq kollox kuntatt ma’ passiġġiera li ma josservawx il-miżuri jfisser riskju għas-saħħa tal-ħaddiema u dik ta’ dawk viċin tagħhom.” Newsbook.com.mt irrapporta żewġ argumenti partikolari li nqalgħu fuq il-vapur meta kien hemm diżgwid dwar l-ilbies tal-maskra fost il-passiġġiera.

B’miżuri maħruġin il-ġimgħa li għaddiet mill-awtoritajiet, dawk li ma jilbsux maskra fuq il-Gozo Channel, kif ukoll fil-ħwienet u fuq il-karozzi tal-linja, jiġu mmultati €50. Il-Prof. Charmaine Gauci, is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, qalet li s’issa ġew immultati 34 persuna għal din ir-raġuni.

Skont il-PN, il-Gvern qed juri li qed jittraskura u li mhux preparat biżżejjed biex jilqa’ għall-imxija tal-Covid-19.

Il-Partit Nazzjonalista appella lill-Gvern biex minnufih jindirizza s-sitwazzjoni u jara li jkun hemm sistema adekwata sabiex tabilħaqq jiġu osservati l-miżuri kontra l-imxija fuq il-vapuri tal-Gozo Channel u fit-terminals, fl-aħjar interess tas-saħħa ta’ kulħadd.