Aġġornata: Sistema li l-Air Malta qalet li riedet 7 xhur biex issir saret f’ġimgħa – il-bdoti

Il-Unjin tal-Bdoti (ALPA) qalet li minkejja li l-Air Malta qaltilha li kien hemm bżonn seba’ xhur biex tiġi installata sistema partikolari f’ajruplan, din saret f’inqas minn ġimgħa.
Fi stqarrija, l-ALPA qalet li rċeviet informazzjoni li s-sistema biex jitħassru recordings mill-Cockpit Voice Recorder tal-ajruplan 9H-AHS ġiet installata mill-Air Malta.
Skont il-bdoti, dan ġie kkonfermat mill-Aġent Kap Eżekuttiv tal-Air Malta Joe Galea.
L-ALPA qalet li ma ġietx infurmata mil-linja tal-ajru dwar dan u li kieku kienet infurmata qabel, “l-affarijiet ma kienux jeskalaw sa fejn eskalaw”.
Il-ġimgħa l-oħra, il-Unjin tal-Bdoti (ALPA) issospendiet l-istrajk tagħha li affetwa 160 passiġġier wara li l-Air Malta talbet għal mandat ta’ inibizzjoni kontra l-unjin.
Wara l-aħħar laqgħa li kellha mal-Air Malta, l-ALPA qalet li d-diskussjonijiet fuq dan il-punt intemmu “bla suċċess”. L-Air Malta qaltilhom li kien hemm bżonn seba’ xhur biex tiġi installata din is-sistema minkejja li lanqas ħadet ġimgħa.
L-ALPA qalet li qed tirtira l-azzjoni industrijali dwar dan il-każ peress li l-kwistjoni ssolviet. Il-bdoti appellaw biex l-Air Malta turi aktar trasparenza u rieda tajba fil-futur.
L-ALPA qalet ukoll li minkejja li dak li qalet l-Air Malta, id-dewmien ta’ disa’ sigħat fit-titjiriet lejn Catania fis-27 ta’ April, dan kien minħabba li l-ajruplan ġdid li ġabet l-Air Malta żviluppatlu ħsara teknika serja tant li l-ajurplan dar lura lejn Malta u d-dewmien kien dovut għall-ħin li dam biex issewwa. L-ALPA qalet li d-dewmien ma kienx konsegwenza tal-azzjoni industrijali tagħha.
Airmalta: “L-ALPA trid tpoġġi lill-kumpanija f’dawl ikrah”
Intant fi stqarrija li ħarġet b’risposta, l-Air Malta esprimiet id-diżappunt tagħha li fi kliemha, l-ALPA "qed tkompli tonqos milli turi rieda tajba, tgħawweġ il-fatti u tqiegħed lill-kumpanija f’dawl ikrah”. 
L-Air Malta nnutat li mill-bidu tad-diskussjonijiet, kienet qed tagħmel ħilitha biex ir-recorder tal-cockpit tal-bdoti jkollu l-faċilità li jitħassar, tant li sabet mod kif tirranġa s-sistemi interni tagħha. 
Il-kumpanija ħadet l-okkażjoni biex tirringrazzja lill-ħaddiema li kkoperaw bis-sħiħ biex inaqqsu l-effett fuq il-passiġġieri fl-azzjonijiet industrijali.