Sistema ġdida ta’ taxi meters għat-taxis bojod

Clodagh O'Neill (DOI)

Sistema ġdida ta’ meters ġiet installata fit-taxis bojod kollha f’Malta u Għawdex, flimkien ma’ sistema ta’ monitoraġġ li qed tiġi mħaddma minn Transport Malta.

Din is-sistema toffri funzjonijiet varji li jinkludu veloċità u distanza, rapporti għall-operaturi u għall-awtorità, kalkoli awtomatiċi tal-ħlas u rċevuta fl-aħħar ta’ kull vjaġġ, sistema ta’ GPS Tracking u login għax-xufiera, sistemi ta’ komunikazzjoni u tal-emerġenza u WiFi. Is-sistema ta’ monitoraġġ tagħti lil Transport Mata aċċess għall-post ta’ kull vettura real time u informazzjoni dwar jekk din hux qiegħda fuq vjaġġ, kif ukoll l-identità tax-xufier u rapporti ta’ vjaġġi, logins u movimenti passati.

“Aktar ma jmur aktar qegħdin ninvestu fis-settur tat-trasport tagħna, għax impenjati li s-sistemi ta’ mobilità ta’ pajjiżna jirriflettu d-dinja dinamika li ngħixu fiha. Għalhekk qed naraw li filwaqt li nirregolarizzaw u nikkonsolidaw il-liġijiet u l-linji gwida li għandna, ninvestu l-flus u l-enerġija wkoll f’avvanzi li jkomplu jinċentivaw lin-nies jagħżlu mezzi alternattivi tat-trasport,” qal il-Ministru għat-Trasport Ian Borg.

“Permezz ta’ din is-sistema li hija aktar intelliġenti u diġitali minn dik li kien hemm qabel, qegħdin niżguraw is-sigurtà tax-xufiera u tal-passiġġiera, servizz aħjar, ħlasijiet xierqa u infurzar aktar effettiv. Fl-aħħar mill-aħħar huwa b’dan il-mod li nistgħu nsaħħu l-fiduċja fis-settur tat-taxis, li joffru alternattiva tat-trasport għall-vettura privata.”