Sistema ġdida fl-Italja li tidentifika l-aħbarijiet foloz

Il-Gvern Taljan nieda servizz onlajn immirat sabiex jiġu identifikati l-aħbarijiet foloz. Dan minħabba li l-elezzjonijiet ġenerali fl-Italja qegħdin dejjem joqorbu.
Fl-aħħar xhur, esperti qalu li l-aħbarijiet foloz, jew fake news, kif issir aktar referenza għalihom, saru kemxejn popolari u għaldaqstant inkwetanti għall-pajjiż.
Is-servizz onlajn jagħti ċ-ċans lill-poplu Taljan li jirrapporta affarijiet li jaħseb li huma foloz bl-użu ta’ sistema ta’ buttuna ħamra fuq is-sit tal-pulizija postali fl-Italja, id-diviżjoni li tikkonċerna reati onlajn.
Tim speċifiku nħatar sabiex janalizza r-rapporti bl-użu ta’ software speċjalizzat li jidentifika s-sors tal-aħbarijiet u jistabbilixxi jekk l-informazzjoni hix awtentika.
Il-Ministru għall-Intern, Marco Minniti, qal li din l-inizjattiva ma saritx sabiex tinterferixxi mal-kampanja tal-elezzjonijiet ġenerali li se jsiru fl-4 ta’ Marzu. Huwa spjega kif is-sistema hija waħda trasparenti u servizz pubbliku leġittimu attrezzat sabiex jipproteġi ċ-ċittadini minn aħbarijiet foloz.
Il-fundatur tal-kumpanija Butac, li hija websajt li taħdem sabiex tiskopri b’każijiet ta’ aħbarijiet foloz, qal li dan il-fenomenu huwa problema kbira fl-Italja hekk kif rapporti foloz jidhru fil-midja kuljum, primarjament minħabba li l-ġurnalisti Taljani ma jagħmlux mezz li jiċċekkjaw is-sorsi tagħhom.