Filmat: Sistema ġdid għall-boreholes sabiex tissaħħaħ ir-riżerva tal-ilma

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Għas-Servizzi tal-Ilma (WSC), Richard Bilocca, saħaq li l-investiment ta’ €100 miljun se jkun qed jassigura li l-ġenerazzonijiet futuri jkollhom riżorsa tal-ilma tal-pjan b’saħħitha.
Waqt il-programm Follow Up fuq RTK 103FM, Bilocca spjega kif is-sistema ġdida li se tkun qed tinstalla l-korporazzjoni se jkollha grupp ta’ sensors li jieħu ħsieb kull borehole.
Malli s-sensors isibu li xi borehole iddgħajfet, jintefa l-ippumpjar minn dik ir-riżerva.
Huwa nsista li anke jekk bosta boreholes ma jkunux qed jintużaw, m’hemmx ċans li Malta tispiċċa b’nuqqas ta’ ilma hekk kif Malta mdawra bl-ilma u kapaċi tlaħħaq ma’ kull eventwalità.
Bilocca qal ukoll li se tkompli titkabbar ir-reverse osmosis f’Malta u se tinbena waħda ġdida f’Għawdex, kif ukoll tkompli tissaħħaħ is-sistema tal- high class secondary water.
Waqt il-programm spjega kif fl-aħħar xhur, il-bdiewa bdew jużaw il-high class secondary water minflok ilma tal-pjan. Dan it-tip ta’ ilma, kompla jgħid Bilocca, huwa drenaġġ imsaffi, l-istess drenaġġ li sa ftit snin ilu kien jintrema fil-baħar u li issa qed imur ġol-high polishing plant li hemm fil-Mellieħa u minn hemm jiġi mqassam lill-bdiewa.
Lejn l-aħħar tal-intervista, Bilocca ħabbar li fil-25 ta’ Marzu, il-WSC se tkun qed tiftaħ il-bibien tagħha għall-pubbliku waqt il-jum dinji tal-ilma, sabiex dawk kollha li jattendu jaraw diversi aspetti tal-proġetti li hemm għaddejjin, jidħlu fil-laboratorji u jaraw is-sistemi tal-IT. Se jsiru wkoll bosta attivitajiet għat-tfal.