Sistema antikwata fl-Emerġenza ta’ Għawdex; il-UĦM b’direttivi

L-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM – Voice of the Workers) ordnat direttivi fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex hekk kif is-sistema li tintuża mill-ambulanzi tal-emerġenza hija waħda antikwata li kellha tinbidel lura fl-2013.

Kelliem għall-Union qal ma’ Newsbook.com.mt li f’każ li tinqala emerġenza f’Għawdex, l-ambulanza trid toħroġ b’EAR (jiġifieri xufier tal-ambulanza) u nursing aid. Qal li din is-sistema hija waħda antikwata li ilha snin twal li twaqqfet u nbidlet f’Malta.

Hu spjega li n-nursing aids qed jintalbu jagħmlu xogħol li jista’ jsir jekk f’ambulanza jkun hemm żewġ EARs. Spjega li ġeneralment, ix-xogħol tan-nursing aids fuq l-ambulanza jkun dak li jġorru l-pazjenti u jekk ikun hemm bżonn jagħtu CPR jagħmlu dan. Il-kelliem spjega li llum il-ġurnata, dawn l-infermiera għamlu kors li juri li huma kapaċi jagħmlu ħafna aktar affarijiet jekk jitħallew jaħdmu f’ward minflok fuq ambulanza.

Spjega li dawn l-infermiera mhux qed jitħallew jagħmlu xogħol għajr dak ta’ nursing aid fuq l-ambulanza hekk kif dejjem qed tintuża l-iskuża li hemm nuqqas ta’ staff. Qal li huma ilhom iwissu lill-maniġment tal-isptar dwar id-direttivi għal sitt xhur sħaħ, madanakollu baqgħet ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni biex din is-sitwazzjoni titranġa.