Aġġornata: S’issa nġabru €66,420 fil-Maratona Oħloq Tbissima

S’issa nġabru €66,420 fis-16-il edizzjoni tal-Maratona Oħloq Tbissima.

Illum huwa t-tieni jum ta’ ġbir ta’ fondi.

Fi stqarrija, l-organizzaturi qalu li matul il-lejl baqa’ għaddej il-programm b’mumenti ta’ talb, kant ta’ tifħir, u diskussjoni.

Illum filgħodu beda l-Breakfast Show ippreżentat minn Christine Delicata.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Parlament David Agius żaru l-maratona llum.

Chris Fearne qal li l-Knisja hija l-ikbar għaqda  mhux governattiva f’Malta, li tagħmel ħafna gid, mhux biss lokalment imma tifrex l-għajnuna lejn pajjiżi fil-bżonn. Semma wkoll li l-Gvern se jkun qed jagħmel sejħa ta’ espressjoni ta’ interess biex l-għaqdiet jaħdmu fil-qasam tas-saħħa mentali.

David Agius qal li huwa importanti li l-politiċi jagħtu l-appoġġ tagħhom u li kulħadd jagħti milli jista’.

Il-programm kompla b’intervisti u attivitajiet għat-tfal.

Il-Maratona Oħloq Tbissima se tibqa’ sejra bla waqfien s’għada il-Ħadd 22 ta’ Lulju f’nofsillejl.

Maratona Missjunarja li tfittex li tiġbor fondi b’risq il-Missjonijiet fdati f’idejn is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl f’Malta, fil-Perù, fil-Pakistan u fil-Filippini, ħalli jitkomplew id-diversi proġetti li qed isiru.

Il-pubbliku huwa mħeġġeġ jipparteċipa f’din il-maratona, billi jagħti d-donazzjoni tiegħu, kif ukoll billi jżur l-attività.

Min jixtieq jagħti d-donazzjoni tiegħu jista’ jagħmel dan billi jċempel fuq: 

€10                  51602004

€15                  51702007

€25                  51802009

SMS €4.66      50618099

Pledge Line:  21 445544 (għal donazzjonijiet ta’ €100 jew aktar)

Jew donazzjoni online fuq:  www.ohloqtbissima.com