S’issa 90 każ; jinkludu impjegat ieħor f’Mater Dei

Read in English.

In-numru ta’ każi ta’ COVID-19 f’Malta tela’ għal 90. Fl-aħħar 24 siegħa rriżulta pożittiv imjegat ieħor f’Mater Dei fost is-17-il każ il-ġodda li ġew reġistrati.

L-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru l-aħħar ċifri f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Belt Valletta. Il-pazjenti kollha jinsabu f’qagħda stabbli. Hemm pazjent wieħed f’Malta li qed jinżamm fl-ITU.

Fl-istess konferenza tħabbru wkoll miżuri ġodda li jidħlu fis-seħħ minn għada. Fost affarijiet oħra, ħwienet u servizzi li mhumiex essenzjali mhux se jkunu jistgħu jiftħu.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Prof. Charmaine Gauci qalet li lbieraħ saru testijiet fuq 276 swabs.

Gauci qalet li mis-17-il każi il-ġodda, 10 minnhom huma relatati ma’ safar barra minn Malta.

Liema huma l-każi l-ġodda?

  • Żewġ persuni b’rabta ma’ safar l-Ingilterra – pazjenta ta’ 18-il sena u ieħor ta’ 73 sena.
  • Żewġ persuni b’rabta ma’ safar lejn l-Italja – Żvediż ta’ 50 sena u Malti ta’ 22 sena.
  • Hemm ukoll tifel Ungeriż li għandu l-coronavirus. Missieru mar l-Ungerija u aktarx kellu xi sintomi.
  • Hemm żagħżugħ mill-Finlandja ta’ 24 sena.
  • Raġel Malti ta’ 51 sena mar il-Marokk.
  • Żagħżugħa ta’ 26 sena li kellha kuntatt ma’ mara li marret il-Belġju.
  • Mara Maltija ta’ 46 sena li kellha kuntatt ma’ persuna li marret il-Ġermanja.
  • Mara ta’ 55 sena. Is-sieħeb tagħha kellu kuntatt ma’ xi turisti.
  • Gauci qalet li mbagħad kien hemm seba’ każi li l-awtoritajiet ma sabulhomx konnessjoni mas-safar.
  • Dawn jinkludu professjonist tas-saħħa f’Mater Dei Malti ta’ 27 sena.
  • Raġel Indjan li jaħdem Malta ta’ 42 sena.
  • Maltija ta’ 33 sena u żewġ nisa oħra ta’ 53 u 60 sena.
  • Hemm ukoll każ ta’ raġel ta’ 74 li ma kienx siefer.
  • Iddaħħal ukoll l-isptar raġel mis-Somalja li 28 sena.

Gauci tenniet li s’issa l-maġġoranza tad-90 każi kienu relatati mis-safar imma li issa bdiet it-trażmissjoni lokali.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn