“Sirt nara li dawn l-affarijiet jiġru lil kulħadd” – vittma żagħżugħa tal-kanċer tas-sider

Fl-intervista tal-ġimgħa fuq Newsbook, Rowena Enriquez, mit-taqsima tal-young survivors fi ħdan l-organizzazzjoni Europa Donna Malta, tagħti l-esperjenza tagħha wara li mardet bil-kanċer.
Fl-intervista, il-ġurnalist Karl Wright jitkellem ma’ Rowena, li iġġieldet il-marda biex tirbaħ hi u l-familja tagħha. Tirrakkonta mhux biss it-tbatija fiżika tagħha u l-bidla fir-rutina ta’ ħajjitha, imma t-tbatija emozzjonali fir-reazzjoni tat-tifla tagħha – li dak iż-żmien kellha biss tliet snin. Tgħid li minkejja l-appoġġ kbir li sabet minn żewġha u l-bqija tal-familja, uliedha mlewha b’diterminazzjoni kbira li tgħix għax fi kliemha, qatt ma għadditilha minn moħħha li wliedha jikbru mingħajrha.
Rowena twieġeb ukoll dwar kif mara għandha tiċċekkja lilha nnifisha u mil-liema eta, anki jekk fil-familja ma kien hemm ħadd li marad bil-kanċer tas-sider. Titkellem ukoll dwar is-sapport u t-tagħrif li hawn u li hu maħsub biex iqajjem kuxjenza dwar din il-marda. Dan minbarra l-għajnuna kbira li hi stess tat lilha nnifisha billi tkellmet fil-miftuħ dwar l-esperjenza tal-kanċer, li qalet li serviet ukoll biex jirċievi l-għajnuna ħaddieħor f’termini ta’ kuraġġ.
Dalgħodu fid-9am Europa Donna Malta qed torganizza mixja mill-Floriana sa Ta’ Sliema sabiex tinħoloq iżjed kuxjenza dwar dan il-kanċer tas-sider. Kulħadd mistieden jieħu sehem.
Dwar dan kollu u aktar, twieġeb Rowena Enriquez fl-intervista tal-ġimgħa fuq Newsbook.com.mt .

Filmat: Media Centre Limited