​“Sirt membru tal-PN ta’ 14-il sena” – Chris Said

Il-Kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Chris Said qal li ilu membru tal-PN mindu kellu 14-il sena u qiegħed fil-partit biex iservi.
Sostna li minn dakinhar għaddew 30 sena jimxi pass wara pass, fi ħdan l-istrutturi tal-partit.
F’intervista fuq l-istazzjon tar-radju tal-PN, Chris Said qal li ma jistax jissejjaħ bħala wiċċ ġdid fil-politika, iżda hija l-esperjenza tiegħu li se tgħinu jgħaqqad lill-partit.
Wiegħed li bħala kap tal-PN, se jibda jaħdem minn lokalità differenti kull ġimgħa sabiex jibqa’ f’kuntatt mal-qalba tal-komunitajiet Maltin.
Chris Said qal li post Simon Busuttil se jibqa’ fil-qalba tal-partit, għax qal li għandu ħafna x’joffri fejn tidħol il-ġlieda kontra l-korruzzjoni tal-istituzzjonijiet.
Temm jgħid li se jagħti lill-kollegi politiċi tiegħu vot ħieles fuq kwistjonijiet morali u etiċi.