‘Sirna qisna żewġt aħwa’ – Dr Nicholas Briffa

X’nistgħu nagħmlu jekk xi ħadd minna jħoss li m’aħniex inkunu sesswalment attivi biżżejjed?

Riċerka turi li sa 80 fil-mija tal-koppji jgħaddu regolarment minn mumenti meta wieħed minnhom ikun irid jagħmel sess u l-ieħor le. 

Mill-esperjenza klinika tiegħi naħseb li aptit sesswali baxx huwa l-iktar problema sesswali komuni. U dan jitqies problema akbar għax ġeneralment inaqqas ir-romantiċiżmu u l-viċinanza bejn il-koppja. Jgħidulek, “Sirna qisna żewġt aħwa.” 

Fis-soċjetà tagħna spiss inpinġu r-raġel bħala dejjem b’aptit sesswali qawwi li jipprova jittenta xortih ma’ xi mara b’aptit sesswali baxx. Imma r-realtà mhux hekk. Fi studju partikolari sibna li 60 fil-mija tal-koppji eterosesswali il-mara kienet b’aptit sesswali ogħla minn tar-raġel! Għalhekk jeħtieġ inwarrbu xi wħud mill-prekunċetti u l-preġudizzji li għandna dwar dan is-suġġett. 

Barra minn hekk, mhux kulħadd iqis id-differenza fl-aptit sesswali bħala problema kbira. Kull koppja tħares lejn din ir-realtà mil-lenti tagħha. 

Madankollu, in-nuqqas ta’ entużjażmu sesswali f’wieħed jista’ jkun problema għall-oħra, u l-kontra. Joħloq stress fir-relazzjoni aktar ma jgħaddi ż-żmien. Importanti li n-nuqqas ta’ sess (jew attività sesswali mhux frekwenti) ma ssirx xi ħaġa li naċċettawha qisha mhi xejn jew saħansitra ngħidu li mhix problema. 

Xi benefiċċji tas-sess għar-relazzjoni 

  • Gost. Il-logħob sesswali intimu u rispettuż hu importanti ħafna għax jimla r-relazzjoni b’sodisfazzjon u kuntentizza. 
  • Eżempju tajjeb. Meta koppja turi affezzjoni lil xulxin (tgħanniq, bews, kumplimenti) quddiem l-ulied u t-tnejn jaħdmu biex ikollhom ħin waħedhom bħala koppja jkunu qed jagħtu eżempju tajjeb ħafna lil uliedhom. Ikunu qed juru li l-kuntatt affettiv huwa xi ħaġa “normali” u espressjoni sabiħa ta’ viċinanza u mħabba. 

X’nistgħu nagħmlu bħala koppja jekk xi ħadd minna jħoss li m’aħniex inkunu sesswalment attivi biżżejjed? 

Tkellmu dwarha! Għal xi wħud is-sess huwa suġġett sensittiv u delikat, xi drabi anki tabù u m’għandekx titkellem dwaru. Is-sesswalità hija mgħobbija b’diversi bżonnijiet mhux diskussi kif ukoll b’insigurtajiet (li xi drabi dawn lanqas nammettuhom magħna nfusna!). Għalhekk li nitkellmu bejnietna t-tnejn dwaru, anki jekk ħaġa delikata, huwa bżonnjuż. Tista’ tibda billi titkellem dwar il-preferenzi tiegħek u dwar dak li qed tħoss int. Imma mbagħad isma’ attent dak li għandha tgħid il-parti l-oħra. Isma’ bla ma tikkritika, bla ma tgħid kliem li jġiegħel lill-ieħor jistħi jew iħossu ħati. Niftakru li ħafna minna rċevew ħafna messaġġi negattivi (u żbaljati) dwar is-sess u r-relazzjoni – u minn età żgħira wkoll! 

L-aħjar ħin jew jiem għall-intimità 

Friski u intimi: Meta tkunu għajjenin u eżawriti, diffiċli jkollkom sess sodisfaċenti. Wara li tkunu drajtu lil xulxin u tkellimtu bejnietkom, meta tħossukom aktar komdi u friski biex tkunu intimi, allura jiżdied iċ-ċans li l-aptit għas-sess ikun ogħla. Dwar dan jinħtieġ djalogu apert bejnietkom. 

Oħolqu atmosfera li tgħin lit-tnejn li intom. Xi wħud jużaw xemgħat, inċens, banju u mużika – intom tafu x’jista’ jgħinkom. 

Għalhekk, keċċu l-klieb u l-qtates barra mill-kamra tas-sodda u qabbdu ftit mużika. Biex ikollkom relazzjoni intima tajba tridu tinvestu fiha u tagħtu kas il-bżonnijiet ta’ xulxin. 

Problemi ta’ saħħa? Jista’ jkun li l-aptit sesswali jiġi affettwat minn problemi ta’ saħħa, eż. nuqqas ta’ ħadid fid-demm, prolaktina għolja jew testosterone baxx. Xi mediċina għad-dipressjoni u għall-pressjoni għolja tista’ taffettwa l-aptit sesswali wkoll. Importanti: meta tinnota bidliet fl-aptit sesswali tkellem ma’ professjonist tal-fiduċja tiegħek. 

Fl-aħħar mill-aħħar irridu naraw ukoll jekk il-veru għerq tal-problema huwiex is-sess innifsu, jew forsi xi kwistjoni relazzjonali li qed tiġi espressa permezz tan-nuqqas ta’ sess. 

Dr Nicholas Briffa huwa psikologu u sesswologu.

Tista’ tara l-verżjoni sħiħa ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn.