“Sirna nibżgħu li l-bniedem ikun fis-skiet” – L-Isqof Grech

L-Isqof Mario Grech qal li l-bnedmin saru jibżgħu li l-bniedem ikun fil-ħemda. Filwaqt li qal li qed ngħixu f’dinja storbjuża, l-Isqof qal li s-skiet sar qisu oġġett arkeoloġiku.

Huwa qal dan fl-Omelija f’nhar il-festa ta’ San Ġużepp tal-Qala fejn tkellem dwar is-skiet li bih San Ġużepp huwa rrappreżentat fil-Vanġelu.

Monsinjur Grech spjega li l-ħemda għandha qawwa li ddaħħalna fi sqaq li jġibna wiċċ imb wiċċ ma’ diversi aspetti ta’ ħajjitna li mhux dejjem ikollna aptit jew il-pjaċir li nżuruhom. Saħaq li minħabba f’hekk jista’ jkun li xi wħud jogħġobhom joħolqu l-ħsejjes u jgħixu fl-istorbju. Huwa stqarr li dan ma japplikax biss għall-kuntest soċjali imma wkoll għall-Knisja. Spjega li  l-komunità tal-Knisja ttieħdet mid-dinja għaliex bdiet theda b’ħafna storbju.

L-aktar ħaġa importanti fil-kuntest tal-komunità Nisranija mhix tant li nsemmgħu leħinna daqskemm li nisimgħu lil Alla jitkellem. Diġà semmejt l-istorbju reliġjuż li xi drabi jinħoloq f’isem Alla, u dan l-istorbju fil-Knisja jaf itarrax lill-bniedem biex saħansitra jisma’ lil Alla!

San Ġużepp “il-ġgant tas-silenzju”

L-Isqof Mario Grech qal li lil San Ġużepp kien hemm min sejjaħlu “l-ġgant tas-silenzju” għaliex is-skiet jiddistingwieh. Fil-festa ta’ San Ġużepp iċċelebrata fil-Parroċċa tal-Qala, l-Amministratur Appostoliku għal Għawdex spjega kif fil-Vanġeli ma nsibu ebda kelma li toħroġ minn fomm Ġużeppi. Qal li l-Madonna tkellmet ftit ħafna hekk kif minn tagħha għandna ħames sentenzi u l-innu tal-Magnificat iżda saħaq li San Ġużepp ma jlissen ebda sillaba.

L-Isqof Grech jgħid li mingħand San Ġużepp nitgħallmu żewġ lezzjonijiet, dik li aħjar jitkellmu l-fatti milli jikkmandna lsienna, u li bħalu nbatu fis-skiet mingħajr ma noqogħdu nfittxu d-drittijiet li nirrispondu anki fil-familji tagħna.

Ġurnata ta’ silenzju qabel l-elezzjoni

Huwa fakkar fil-ġurnata ta’ silenzju li normalment ikun hemm f’elezjonijiet ġenerali fil-pajjiżi. Qal li wara li l-elettorat ikun ilu l-ġranet jisma’ messaġġi politiċi, il-liġi tordna li jkun hemm ġurnata silenzju biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jirriflettu dwar il-wegħdiet li jkunu sarulhom u bil-libertà jagħmlu l-għażla.

B’dan l-eżempju l-Isqof Grech qal li hawnhekk naraw il-valur tal-ħemda għaliex issir ir-riflessjoni.