Sirna nafu mill-midja li se jiftaħ il-Qorti – avukati

Miguela Xuereb

Avukati li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt sostnew li l-avukati f’Malta ma kellhom l-ebda idea bl-aħbar li l-Qorti se jkun qed jerġa’ jiftaħ minn nhar il-Ġimgħa. Qalu li huma saru jafu b’dan mill-midja.

Ilbieraħ, il-Prim Ministru qal li llum se jkunu qed jitħabbru sett ta’ miżuri ġodda li se jaraw il-ftuħ tan-negozji kollha, il-gyms u anke l-Qorti. Qal li dawn se jkunu jistgħu jerġgħu jiftħu mill-Ġimgħa 5 ta’ Ġunju. Milli jidher, iżda, id-deċiżjoni ġiet mingħajr ma l-avukati kienu mgħarrfa jew ikkonsultati dwar dan.

Newsbook.com.mt ikkuntattja lill-PRO tal-Kamra tal-Avukati li spjega li dalgħodu hemm laqgħa dwar is-suġġett u li r-reazzjoni tal-Kamra se tkun qed tinħareġ wara. Hu qal li s’issa l-Kamra m’għandhiex kumment x’tagħmel f’dan l-istadju.

Ilbieraħ, għal darboħra, il-Prim Ministru żvela dettalji dwar dak li se jkun imħabbar illum fejn jidħlu llaxkar ta’ miżuri marbutin mal-coronavirus waqt intervista fuq l-istazzjon televiżiv tal-Partit Laburista. Apparti l-ftuħ tal-Qorti, l-gyms u negozji oħrajn mill-5 ta’ Ġunju, Abela ħabbar li l-Gvern se jkun qed iħabbar baġit ġdid fit 8 ta’ Ġunju u li l-portijiet tal-pajjiż se jkunu qed jinfetħu mill-ġdid mill-1 ta’ Lulju biex jilqgħu t-turisti.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn