“Sirna naċċettaw lill-oħrajn biss jekk jagħtuna xi ħaġa”

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech sostna li llum il-ġurnata l-bnedmin saru jaċċettaw biss lill-oħrajn jekk se jiksbu xi ħaġa mingħandhom.

Waqt intervista mar-radju tal-Vatikan, Mons. Grech sostna li llum il-ġurnata l-bnedmin saru wisq materjalistiċi. Irrimarka li hemm bżonn li nibdew nilqgħu persuni mingħajr ma nistennew xi ħaġa lura. Hu kien qed jiddiskuti d-diskors tal-Papa tal-bieraħ waqt l-Angelus. Il-Papa kien vittma ta’ ħafna kritika wara li appella lill-awtoritajiet biex juru solidarjetà b’mod urġenti mad-49 immigrant li jinsabu l-baħar peress li l-ebda pajjiż mhu qed joffrilhom ażil.

“Il-Papa ta vuċi lil min ma għandux”

Mons. Grech sostna li l-Papa ta vuċi lil dawk li ma għandhomx, mhux biss lil dawk li jinsabu fuq id-dgħajjes, iżda wkoll għadd kbir ta’ persuni oħrajn. Insista li huwa twemmin tal-bnedmin li meta hemm ħajja umana f’riskju għandha tiġi salvata. Sostna li għadu kemm ġie ċċelebrat is-70 anniversarju tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani, madanakollu staqsa “fejn huma dawn id-drittjiet?” Staqsa kif spiċċajna f’soċjetà daqshekk insensittiva li ssibha daqshekk diffiċli biex tiddefendi d-drittijiet umani.

Waqt l-intervista Mons. Grech insista li hu mhux qed jirreferi biss għall-Gvern Taljan, iżda għall-Ewropa kollha. Insista li l-miżinformazzjoni li qed iddur dwar l-immigrazzjoni qed tbeżża’ lin-nies u żżommhom lura milli jieħdu deċiżjonijiet kuraġġjużi. Insista li l-Ewropa hija kontinent Kristjan, madanakollu jidher li tilfet il-valuri tagħha.

“Is-soluzzjoni hija li niftħu l-bibien lil dawn il-persuni”

Sostna li s-soluzzjoni aċċettabli f’din is-sitwazzjoni hija li dawn il-persuni jiġu milqugħa fl-Ewropa. Soluzzjoni alternattiva hija li l-pajjiżi minn fejn ġejjin dawn il-persuni jerġgħu jilqugħom fi ħdanhom.

Mons. Grech sostna li jingħaqad mal-Arċisqof Charles Scicluna u jappella għall-mexxejja Ewropej sabiex ma jibqgħux jitratienu hekk kif is-sitwazzjoni qed tiddeterjora maż-żmien.

Isma’ hawn